Il-Gvern bi kważi 300 applikazzjoni ta' eks Tarznari għal kumpens minħabba l-asbestos

Il-Gvern għandu quddiemu 300 applikazzjoni għal kumpens minn eks ħaddiema tat-Tarzna.  Jesmond Marshall mill-GWU jispjega x'għamlet il-unjin sa issa biex taċċerta li kull min għandu dritt għalih, jieħdu l-kumpens...

Il-General Workers' Union għaddiet kważi 300 applikazzjoni ta' persuni li qed jitolbu kumpens minħabba li meta kienu jaħdmu fit-Tarzna ġew esposti għall-asbestos għad-detriment ta' saħħithom.  L-asbestos jista' jwassal għal kanċer terminali hekk kif it-trab li jikkawża jidħol fil-ġisem u ma jkunx jista' joħroġ.  Meta persuna tkun esposta għall-asbestos għal snin, dan iwassal għal infjammazzjoni, ħsara fil-ġenetika u f'xi każi anke kanċer agressiv u mard fil-pulmun. 

Fost l-aktar ħaddiema li kienu esposti għall-asbestos kienu dawk tat-Tarzna, li fl-aħħar Baġit kienu mwegħda kumpens mill-Gvern - li sa qabel għaddiet għand il-Palumbo kien l-impjegatur ta' dawn il-ħaddiema. 

Kien Jesmond Marshall li jmexxi t-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU li żvela mal-ILLUM in-numru ta' applikazzjonijiet li l-unjin għaddiet għal għand il-Gvern fl-aħħar ta' Mejju li għadda. 
Minn dakinhar imbagħad beda l-proċess biex ikun stabbilit min minn dawn il-madwar 300 ħaddiem huma eliġibbli għal kumpens mill-Gvern. 

Huwa saħaq ma' din il-gazzetta illi filwaqt li jifhem li hemm ċerta stennija, pero' jfakkar li l-proċess huwa twil filwaqt li jfakkar ukoll li l-GWU ilha taħdem għall-ħaddiema tat-tarzna sabiex huma jew qrabathom jieħdu kumpens. 

Jesmond Marshall
Jesmond Marshall

'Kull każ li ressaqna fl-Istati Uniti, ħadna kumpens tiegħu'

"Aħna qed inressqu l-każi fl-Istati Uniti - minħabba li ħafna mill-vapuri li ġew hawnhekk kienu Amerikani - u kull każ li tellajna ħa kumpens," sostna Marshall mal-ILLUM. Huwa qal iżda li ħafna mill-kumpaniji jew fallew jew inkella jinsabu f'qagħda finanzjarja mwiegħra, għalhekk il-unjin qed tressaq dawk il-każijiet ta' persuni li żviluppaw kanċer minħabba l-asbestos biss. 

"Imma kull każ li ftaħna ħadna kumpens tiegħu, naturalment kull każ għalih skont is-severità u skont it-tip ta' tumur li jiżviluppa. Hemm każi li ħadu $100,000 u oħrajn li ħadu $75,000 - b'terz imur għand l-avukat u minn dan kollu l-unjin ma tieħu xejn," spjega Marshall ma' din il-gazzetta. 

Huwa qal illi fil-każ ta' Malta imbagħad avukat ressqet xi każi kontra l-Gvern Malti, bħala l-impjegatur ta' dawn il-ħaddiema, apparti li kien hemm ukoll il-każi quddiem il-Qorti Ewropea li ordnat kumpens differenti, lil ħaddiema differenti skont il-ħaddiema u s-severità tal-każ. 

Nhar il-25 ta' Jannar 2019, 17-il eks impjegat tat-Tarzna kienu ordnati jitħallsu €3,000 bħala kumpens mingħand il-Gvern minħabba li għamlu żmien twil esposti għall-asbestos, mill-Qorti Maltija

Hekk kif allura ħaddiema oħrajn xtaqu li jiġu kkumpensati wkoll, fil-Baġit tal-2021 il-Gvern ħabbar kumpens.  "Bħala employer ta’ dawn l-eks ħaddiema, il-Gvern qed jistenna li meta jkollu l-fatti kollha f'idejh, jasal għal kumpens li għandu jagħti lil dawn il-persuni jew il-werrieta tal-eks impjegati," kien ħabbar l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. 

Marshall irrimarka li l-unjin setgħet marret il-Qorti b'kull każ individwali, "imbagħad forsi xi darba kienet tinqata'. Minflok iltqajna mal-Gvern li kif għidtlek se jkun qed jiddeċiedi min ħaqqu u min ma ħaqqux jingħata kumpens."

Huwa qal mal-ILLUM li qed jistenna li din il-kwistjoni tkun riżolta sal-aħħar tal-2021.

Marshall spjega kif sfortunatament il-pandemija tawlet u kkumplikat l-affarijiet li kienu diġà xi ftit jew wisq burokratiċi - bħal meta persuna trid iġġib l-istorja ta' saħħa tal-familja tagħha per eżempju jew saħansitra biex qarib ta' eks-ħaddiem tat-Tarzna jikseb iċ-ċertifikat tal-mewt, meta l-persuna tkun ilha aktar minn 10 snin li mietet. Ifakkar li wara 10 snin minn mewt ta' persuna d-dipartimenti tal-Gvern, ineħħu ħafna mid-dokumenti, inkluż iċ-ċertifikat tal-mewt. 

"Ovvjament jiena ridt naċċerta li kull każ li se nressqu huwa wieħed ġenwin u każ b'saħħtu u fejn ġew nies għandi b'każ li ma kienx b'saħħtu tlabt għal aktar dokumenti," temm isostni Jesmond Marshall. 

Apparti d-deċiżjoni tal-Qorti Maltija fl-2019, il-Qorti Ewropea Għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2014 kienet sabet illi l-Gvern kiser id-dritt tal-ħajja u d-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, meta falla milli jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà ta' 21 eks ħaddiem tat-Tarzna li għal ħafna snin kienu esposti għall-asbestos.  Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti Ewropea ordnat li l-Gvern iħallas €226,000 f'kumpens lil dawn il-21 persuna - li kollha sofrew minn kundizzjonijet u li wieħed minnhom saħansitra miet minħabba kanċer relatat mal-asbestos.

Fi Frar li għadda l-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma' eks ħaddiem tat-Tarzna li kien appella lill-Gvern biex jgħaddi dan il-kumpens. 

"Dawn l-eks ħaddiema tat-Tarzna ħsara rreparabbli fil-pulmun saritilhom ta, mhux fl-ucuħ tar-raba ... l-eks ħaddiema tat-Tarzna qed jistennew ġustiżżja għax għandhom dritt legali u għax il-Gvern kien naqas li jipprovdi dak kollu meħtieg biex jiġu protetti mill-asbestos, ladarba hu kien responsabbli mit-Tarzna," kompla jgħid dan l-eks ħaddiem.

Huwa kien appella biex il-Gvern jagħraf malajr kemm jista' jkun x'inhi l-priorità u jieħu kunsiderazzjoni tal-fatt li ħafna eks ħaddiema tat-Tarzna ma jifilħux jistennew minħabba l-età. 

More in Politika