Cutajar ilha minn Frar li għadda tkun investigata dwar allegazzjonijiet ta' evażjoni tat-taxxa

Dan wara s-sehem tagħha u l-flus li daħlet minn ftehim li kien qed jagħmel Yorgen Fenech biex jixtri proprjetà fl-Imdina li tiswa aktar minn tliet miljun ewro

Id-Deputata Rosianne Cutajar ilha minn Frar li għadda tkun investigata dwar evażjoni tat-taxxa u l-irwol li kellha biex għenet lil Yorgen Fenech jixtri proprjetà fl-Imdina.

Skont The Times of Malta, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni fetaħ l-investigazzjoni ftit ġimgħat biss wara li ġiet żvelata din l-istorja u l-eluf li għaddew f'senserija għal dan il-ftehim li baqa' qatt ma ġie ffirmat, għax eventwalment Yorgen Fenech kien ġie arrestat.

L-investigazzjoni tinkludi lil Cutajar u anke lil Charles Farrugia, persuna viċin ħafna tagħha u li kien is-sensar f'dan il-ftehim.

Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u anke Joseph Camilleri, is-sid tal-proprjetà fl-Imdina, ukoll qed ikunu investigati.

Jidher li kien il-Kummissarju tat-Taxxi, Marvin Gaetry li ta struzzjonijiet lill-ħaddiema tiegħu biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet li Cutajar ħadet madwar €46,000 għall-irwol tagħha f'dan il-ftehim.

Meta kienu ħarġu dawn l-allegazzjonijiet, Cutajar kienet irriżenjat minn Segretarju Parlamentari b'mod temporanju sakemm tintemm l-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Ilbieraħ tħabbar li r-riżenja tagħha se tkun waħda permanenti wara li l-Kummissarju Hyzler ikkonkluda li Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika u anke hu stess qal li għandha tkun investigata għal evażjoni tat-taxxa.

Minkejja dan, Cutajar qalet li se tibqa' Deputata u anke qalet li ma taqbilx mal-konklużjonijiet ta' Hyzler.

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jinsisti li Cutajar għandha titkeċċa mill-Prim Ministru anke mill-Grupp Parlamentari Laburista jekk verament irid li jnaddaf ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

More in Politika