Vawċer jew rifużjoni? 'L-Air Malta dejjem tat l-għażla lill-konsumatur u allura dejjem kienet konformi mal-liġi'

L-Air Malta kif ukoll Iain Tonna mill-FATTA jirreaġixxu għar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li ddikjarat l-użu sfurzat ta' vawċers minflok rimborż ta' flus għal titjiriet ikkanċellati, bħala illegali ..

"L-Air Malta dejjem tat għażla u l-għażla tal-konsumatur dejjem baqgħet hemmhekk dwar jekk iridx flusu lura jew vawċer fil-każ ta' kanċellament. Allura tgħid x'tgħid il-Kummissjoni Ewropea jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Linja Nazzjonali ta' Malta dejjem kienet konformi mal-liġijiet."  

Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM kelliem tal-Air Malta, f'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri iktar kmieni din il-ġimgħa li ddikjarat s-sistema ta' vawċers minflok rimborż ta' flus bħala illegali.  Fir-rapport tagħha kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti kkritikat il-fatt li l-għajnuna biljunarja li ngħatat lill-linji tal-ajru ma kinitx marbuta ma' kundizzjoni ta' rimborż awtomatiku tal-flus. 

Stephen Gauci iżda sostna illi l-għażla baqgħet għalkemm fakkar li l-Air Malta tat għażliet oħrajn għal dawk li kienu ċerti li se jerġgħu jsiefru.  Fil-fatt il-linja tal-ajru kienet tat l-għażla li persuna tibbukkja vaganza f'pajjiż ieħor, f'data ġdida sa 12-il xahar wara t-titjira oriġinali. Dan ġie akkumpanjat minn vawċer ta' €20. Inkella l-linja tal-ajru kienet qed toffri wkoll possibilità ta' vawċers li jistgħu jintużaw f'temp ta' sena. 

L-istess Iain Tonna mill-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivjaġġar (FATTA) kellu kliem ta' kritika għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li sostna illi qed "tissimplifika wisq ir-realtà". 

Huwa jammetti li huwa vera li l-liġi tobbliga li jingħataw il-flus lura, "imma aħjar il-Qorti tal-Awdituri tara li r-regoli jiġu inforzati fuq min qed jissuplixxi l-aġenti tal-ivjaġġar. Il-flus għandhom qegħdin mhux għand l-aġenti u jekk il-flus ma jiġux lura mingħand min aħna ħallasna se jkollna problema biex ngħadduhom lill-konsumatur," sostna Tonna mal-ILLUM. Huwa qal illi donnha din il-Qorti qed tassumi li l-flus mogħtija mill-klijent jibqgħu għand l-aġenti tal-ivvjaġġar. 

€23 miljun f'rifużjonijiet mill-Air Malta

Intant Stephen Gauci qal li din il-problema issa battiet sew bi ftit li xejn kanċellamenti ta' titjiriet għajr għal xi wħud lejn ir-Renju Unit ftit ġimgħat ilu. "Naqqset ħafna issa l-pressjoni għar-rimborż ta' flus u l-kumpanija tinsab fil-ħin biex tagħti dawn il-flus lura."

Mistoqsi kemm swew lill-kumpanija dawn ir-rifużjonijiet ta' titjiriet ikkanċellati, Gauci qal illi b'kollox il-kumpanija kienet diġà tat €23 miljun, sa erba' xhur ilu. 

L-istess jikkonferma Tonna li jgħid illi ftit għad fadal flus x'jingħataw għal titjiriet u safar ikkanċellat. 

'It-turiżmu huwa ħafna aħjar milli stennejna' - Tonna

Mistoqsi liema destinazzjonijiet qed ikunu popolari, il-kelliem tal-Air Malta beda billi qal illi l-akbar volum ta' xogħol ġej mit-turiżmu li dieħel iktar milli ħiereġ, hekk kif għalissa l-Maltin qed joqgħodu lura milli jsiefru b'mod ġenerali. 

Kompla jispjega kif l-aktar rotot li sejrin tajjeb sa issa f'termini ta' turisti deħlin huma l-Ġermanja, l-Olanda u l-Italja. 

Mill-ġdid jikkonferma dan huwa Iain Tonna li jgħid illi filwaqt li r-rata ta' Maltin li qed isiefru huwa inqas milli mistenni, it-turiżmu lejn Malta huwa ħafna aħjar milli mistenni.

"Dan grazzi għax-xogħol li sar f'dak li jirrigwarda l-Covid-19 - illum dan qed iħalli l-frott," temm jgħid Tonna.

X'qalet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri?

Skont rapport li ġie ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE ma ġewx salvagwardjati matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti sostniet li "l-linji tal-ajru huma legalment meħtieġa li jagħtu lill-passiġġieri flushom lura jekk jikkanċellaw it-titjiriet. Iżda minflok ħafna linji tal-ajru ġiegħlu lill-klijenti tagħhom jaċċettaw il-vawċers, u din hija prattika illegali."

L-awdituri tal-UE ġibdu l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-linji tal-ajru u l-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar irċevew biljuni ta’ ewro f’għajnuna mill-Istat, li ngħatat "mingħajr ma kienet kundizzjonali fuq ir-rimborż li jingħata lill-passiġġieri."

Stephen Gauci
Stephen Gauci

“Fost il-ħafna konsegwenzi tagħha, il-pandemija kellha effett dannuż fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE”, qalet Annemie Turtelboom, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Filwaqt li sar kull sforz biex il-linji tal-ajru u l-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar jingħataw appoġġ, ftit li xejn saru sforzi biex jiġu żgurati d-drittijiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-UE.”

L-awdituri sabu li fl-ewwel xhur tal-kriżi ħafna passiġġieri tilfu l-flus li kienu intitolati għalihom.

"Dan saħansitra seħħ bil-ftehim tal-Istati Membri: 15 minnhom, inklużi Franza, l-Olanda u l-Belġju, adottaw miżuri eċċezzjonali biex jeħilsu lil-linji tal-ajru u lill-operaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu normali tagħhom li jirrimborżaw lill-passiġġieri. Bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ħafna passiġġieri kienu mġiegħla jaċċettaw il-vawċers, iżda mhux dejjem kienu protetti kontra l-insolvenza tal-linji tal-ajru, u l-prospett ta’ rimborż iddewwem," sostniet il-Qorti fir-rapport tagħha.

Huma jgħidu illi minkejja li minn nofs l-2020, il-linji tal-ajru bdew jirrimborżaw lill-passiġġieri, "fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, dan ħa ħafna aktar mis-7 ijiem (għal passiġġieri “b’biljetti għat-titjira biss”) jew l-14-il jum (għal vjaġġaturi b’pakketti li jinkludu t-titjira u l-akkomodazzjoni) meħtieġa mil-leġiżlazzjoni."  Il-Qorti nnutat li kien hemm każi illi għalihom lanqas biss ingħata rimborż.

Il-Qorti Ewopea tal-Awdituri fakkret illi b’mod ġenerali, bejn Marzu 2020 u April 2021 l-Istati Membri ħarġu fondi pubbliċi li jammontaw għal kważi €35 biljun. Innutaw li l-Air France u KLM flimkien irċevew aktar minn €11-il biljun, Lufthansa aktar minn €6 biljun, u TUI, TAP u SAS aktar minn biljun ewro kull waħda.

"Madankollu, l-Istati Membri ma għamlux l-għoti ta’ għajnuna lil-linji tal-ajru espliċitament kontinġenti fuq ir-rimborż tal-passiġġieri, minkejja li l-Kummissjoni kienet għamlitha ċara li huma setgħu jagħmlu dan," ilmentat il-Qorti. 

"Fl-aħħar mill-aħħar, l-Istati Membri ħallew ir-rimborż tal-passiġġieri tal-ajru unikament f’idejn il-linji tal-ajru, li min-naħa tagħhom segwew il-prijoritajiet proprji tagħhom fir-rigward tal-użu tal-għajnuna mill-Istat.

More in Politika