Jekk għandek garaxx mil-lum tista' tibda tibbenefika mill-iskema tal-First Time Buyers ukoll

Sa qabel illum dawk li kellhom garaxx ma setgħux igawdu minn din l-iskema...minn issa jistgħu jibbenefikaw basta l-garaxx ma jkunx akbar minn 30 metru kwadru

Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol ħabbar li b’effett mill-Ġimgħa, 2 ta’ Lulju 2021, il-liġi dwar l-eżenzjoni mit-Taxxa tal-Boll għall-First Time Buyers se tiġi emedata sabiex jibbenefikaw ukoll dawk il-persuni li huma sidien ta’ garaxx ta’ mhux iktar minn 30 metru kwadru u se jixtru l-ewwel proprjetà residenzjali tagħhom.

Din l-emenda kienet parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika mħabbar mill-Gvern f’Ġunju tal-2020, għaldaqstant dawk il-persuni kollha li kienu eliġibbli għal din l-iskema mid-9 ta’ Ġunju 2020 sal-lum se jkunu intitolati għal rifużjoni mit-Taxxa tal-Boll skont kif kienu eliġibbli dakinhar tal-kuntratt.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li din hija wegħda oħra ta’ dan il-Gvern "maħsuba sabiex tkompli tgħin koppji u individwi li qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Matul dawn l-aħħar seba’ snin, madwar 25,000 persuna bbenefikaw mill-iskema tal-First Time buyers, filwaqt li madwar 1,000 persuna oħra bbenefikaw mill-iskema tas-Second Time Buyers," qal il-Ministru.

Huwa temm jinnota kif sa issa, din l-iskema ħalliet madwar €75 miljun "fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.”

Dawk l-individwi kollha li huma intitolati għal rifużjoni huma mitluba jibgħatu email lid-Dipartiment tat-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti fuq [email protected] jew iċemplu fuq 22998110.

More in Politika