114-il inizjattiva biex il-pajjiż jikrupra wara l-pandemija; Imnedija l-istrateġija nazzjonali

Il-kwalità tal-ħajja, l-irkupru tan-negozji u l-kompetittività huma l-bażi tal-Istrateġija Nazzjonali għal Wara l-Pandemija

Il-Gvern illum nieda l-Istrateġija Nazzjonali għal Wara l-Pandemija, li tinkludi xejn inqas minn 114-il inizjattiva li d-diversi ministeri, skont id-dekasteru tagħhom se jkunu responsabbli li jimplimentaw bil-għan li l-pajjiż jirkupra u jkun ippreparat biex jilqa’ għall-impatt f’każ ta’ kriżi bħalma ġabet magħha l-pandemija.

L-Istateġija Nazzjonali għal wara l-Pandemija ġiet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie spjegat kif din ġiet mibnija fuq tliet mistoqsijiet ewlenin, jiġifieri:

  • Kif se ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benessri?
  • Kif se nsostnu n-negozju u l-impjiegi u nixprunaw irkupru b’saħħtu?
  • Kif nistgħu nibqgħu reżiljenti u kompetittivi?

Il-Presidet tal-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għal wara l-Pandemija, il-Professur Simone Borg, spjegat kif minn kull mistoqsija, ħarġu erba’ temi li fuqhom imbagħad ġew imfassla l-inizjattivi.

Jorbot kollox hemm imbagħad il-miri ta’ żvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, jiġifieri hemm enfasi fuq l-aspett soċjali, ekonomiku u ambjentali.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-Pandemija, Owen Bonnici insista li l-implimentazzjoni hija ċ-ċavetta tas-suċċess ta’ din l-istrateġija u għalhekk ħabbar li l-Kabinett iddeċieda li l-Kumitat ta’ Tmexxija se jkun responsabbli, flimkien mal-Uffiċċju tal-Kabinett, biex jassigura li l-ministeri rispettivi jimplimentaw l-inizjattivi.

Il-Ministru saħaq kif minkejja l-isfidi, il-pandemija ġabet magħha ħafna affarijiet sbieħ ukoll, fosthom l-għaqda nazzjonali u l-aspett komunitarju u kien għalhekk li insista li jkun ħasra jekk dan kollu jintrema.

Fil-fatt, l-Istrateġija tħares li ssaħħaħ dawn l-aspetti pożittivi.

L-Istrateġija, hija waħda wiesgħa ħafna u tiġbor fiha diversi aspetti. Pereżempju fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja u l-benessri tas-soċjetà, tħares li ssaħħaħ diversi aspetti, mill-għajnuna għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali (li żdiedu fi żmien il-pandemija) sas-saħħa tal-komunità inġenerali u għalhekk tippreżenta inizjattivi biex tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità.

Tipproponi wkoll, fost oħrajn studji dettaljati dwar l-impatt tal-pandemija fuq partijiet speċifiċi tas-soċjetà, inkluż l-impatt li din kellha fuq l-edukazzjoni jew inkella fuq organizazzjonijiet volontarji u aspetti oħra kulturali li lkoll qalgħu daqqa.

Fil-fatt, il-Ministru Bonnici insista li l-pedamenti ta’ din l-istrateġija huma msejsa fuq il-ħames pilastri tal-viżjoni tal-Gvern: il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-governanza t-tajba u l-ambjent.

Tul il-konferenza, il-Professur Borg daħlet fid-dettall ta’ kull tema, partikolarment fejn jidħol l-irkupru tan-negozji u għalhekk spjegat kif l-Istrateġija taħseb biex issaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema u anke l-innovazzjoni biex l-ekonomija Maltija tkun aktar reżiljenti.

Fakkret li f’dinja li kontinwament qed tinbidel, l-innovazzjoni hija kruċjali biex Malta tkun kapaċi tikkompeti. Għalhekk spjegat kif l-Istateġija taħseb ukoll biex telimina dik li tissejjaħ id-digital gap. 

Insistiet li kif ġara fl-aħħar xhur, min ma kellux konoxxenza diġitali, waqa’ lura u għalhekk spjegat kif l-Istrateġija tħares li ssaħħaħ ukoll dawn il-ħiliet, billi tuża opportunitajiet li jeżistu fis-soċjetà u l-irwol li l-kunsilli lokali, reġjonali u anke l-parroċċi jista’ jkollhom biex din tissaħħaħ.

Temmet tisħaq li l-istrateġija tassigura li l-pajjiż ikun ippreparat għar-riskju u trid tkun “polz li tgħin lis-soċjetà tirkupra u tkun fuq ta’ quddiem.”

Intant, tul il-konferenza, ġie spjegat kif din l-Istrateġija kienet ibbażata fuq konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni wiesgħa li saret mal-imsieħba soċjali, il-pariti politiċi u s-soċjetà ċivili, fost oħrajn.

Aqra hawn id-dokument kollu:

More in Politika