Malta timmira li tlaqqam 85% tal-popolazzjoni hekk kif il-varjant Delta jkompli jinfirex fl-Ewropa

Il-Ministru Chris Fearne jisħaq li l-immunità tal-massa hemm bżonn tissaħħaħ aktar għax il-varjant Delta huwa ħafna aktar infettiv minn varjanti oħra

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta qed tħares lejn il-mira li tlaqqam 85% tal-popolazzjoni tagħha biex issaħħaħ l-immunità tal-massa, partikolarment minħabba l-varjant Delta (Indjan) li huwa ħafna aktar infettiv minn varjanti oħra.

Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Parlament, Fearne tkellem dwar l-importanza li aktar persuni jitlaqqmu biex is-sitwazzjoni tal-pandemija tinżamm taħt kontroll u dan hekk kif l-Ewropa qed tħejji lilha nnifisha għal mewġa oħra ta' Covid-19, minħabba l-varjant Delta li qed jinfirex sew.

Fearne saħaq li f'dawk il-pajjiżi, fejn it-tilqim baqa' lura, il-varjant qed jagħmel ħerba. Insista li aktar ma jkun hemm persuni mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19, aktar se tiżdied l-immunità tal-massa, iżda saħaq ukoll li aktar ma jiżdiedu l-varjanti, aktar hemm bżonn li jissaħħaħ it-tilqim.

Kien hawn li qal li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jittamaw li ma jdumux ma jlaqqmu kompletament lil 85% tal-adulti, bil-għan li l-immunità tal-massa tiżdied.

L-aħħar figuri juru kif 81.5% tal-adulti Maltin ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li 73% huma mlaqqma kompletament.

"Ma tistax tkun arroganti mal-virus," saħaq Fearne. Insista li l-awtoritajiet iridu jkunu prudenti anke fil-mod kif inaqqsu r-restrizzjonijiet.

Appella wkoll lil dawk li għadhom ma ħadux il-vaċċin biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli.

Qal ukoll li sal-aħħar ta' din il-ġimgħa, l-adoloxxenti kollha li għandhom bejn 12 u 15-il sena se jkunu qed jirċievu l-invit biex jieħdu t-tilqima u ħeġġeġ lill-ġenituri biex jibagħtu email fuq [email protected] jekk jibqgħu ma jirċevux l-ittra bl-appuntamenti.

More in Politika