L-aħwa Degiorgio jiktbu lill-Europol; Jgħidu li għandhom informazzjoni 'sensittiva u importanti'

L-ittra ffirmata mill-avukat William Cuschieri tgħid li l-aħwa ma jafdawx lill-awtoritajiet Maltin iżda xorta waħda jixtiequ jgħaddu din l-informazzjoni

L-aħwa George u Alfred Degiorgio, akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, talbu laqgħa mal-Europol, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi.

Huma kitbu ittra lid-Deputat Direttur Eżekuttiv, Will Van Gemert, li fiha talbu laqgħa mal-aġenzija għax fi kliemhom iridu li ssir ġustizzja ma' kulħadd fil-każ ta' dan l-assassinju.

Ix-xahar li għadda, l-aħwa Degiorgio kitbu wkoll lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, wara li l-Gvern ċaħad l-ewwel talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest. Minn dakinhar, għamlu talbu oħra li reġgħet ġiet miċħuda.

L-aħwa qed jisħqu li l-Gvern 'għandu kunflitt ta' interess' u ma jridx jagħtihom il-maħfra għax għandhom informazzjoni li timplika lill-eks Ministru Chris Cardona fl-assassinju u anke lill-Ministru Carmelo Abela "f'reati serji" u "attentat ta' serqa."

It-talba biex jiltaqgħu mal-Kummissarrju  Ewropew għall-Ġustizzja kienet ġiet miċħuda. Kien ġie spjegat li l-Kummissarju ma jistax jindaħal fis-sistema ġudizzjarja Maltija u kien hu li bagħathom għand il-Europol.

Fl-ittra, l-avukat William Cuschieri, qal lill-Europol, li ż-żewġt aħwa għandhom informazzjoni "sensittiba u importanti li lesti jaqsmu biss mal-uffiċjali tal-Europol."

L-ittra tkompli tgħid li din l-informazzjoni tista' mbagħad tkun ikkomunikata lill-Maġistrat li qed isewgi dan il-każ mill-Europol stess.

Dan għax, skont l-ittra, l-aħwa ma jafdawx lill-awtoritajiet Maltin iżda xorta waħda jixtiequ jgħaddu din l-informazzjoni.

More in Politika