Applikazzjonijiet għall-ażil: Malta, Ċipru u l-Greċja taħt l-akbar pressjoni fl-UE - EASO

Malta irċeviet 2,480 applikazjoni għall-ażil fl-2020 u approvat 31% minnhom

Malta, Ċipru u l-Greċja huma l-aktar tliet pajjiżi taħt pressjoni fl-UE f'termini ta' applikazzjonijiet u talbiet għall-ażil, meta wieħed jikkunsidra l-popolazzjoni u l-Prodott Gross Domestiku.  Dan qalu fi stqarrija l-Uffiċċju Ewropew tal-Ażil (EASO) fir-rapport tiegħu dwar is-sena 2020, li juri wkoll iżda kif matul l-2020 in-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil f'pajjiżna naqsu b'39% u laħqu t-total ta' 2,480. 

L-istess rapport juri kif l-aktar persuni li talbu ażil bi 15% kienu persuni mis-Sudan, filwaqt li 50% ta' dawk il-persuni taħt l-età li ma kinux akkumpanjati minn ġenitur jew persuna adulta magħhom kienu Tuneżini. 

Matul l-2020 kienu b'kollox 75 persuna li ingħataw status ta' refuġjat, li 60% minnhom kienu Sirjani, filwaqt li 190 persuna ingħataw protezzjoni sussidjarja, u 55% minnhom mill-ġdid kienu Sirjani. 

B'kollox pajjiżna rreġetta 605 applikazzjonijiet bil-maġġoranza tal-applikanti jkunu mill-Bangladesh (21%), filwaqt li sal-aħħar tas-sena kien hemm xejn inqas minn 5,140 applikazzjoni għall-ażil li kienet għadha pendenti. 

Ir-rata ta' approvazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-ażil f'pajjiżna hija ta' 31% filwaqt illi tal-Greċja hija 55% u ta' Ċipru hija 50%. 

F'termini ta' numri, l-aktar pajjiżi li rċevew applikazzjonijiet għal-ażil kienu: Il-Ġermanja: 122,000, Franza: 93,000 u Spanja: 89,000. 

More in Politika