Skema ta' €2 miljuni biex jiġu restawrati djar antiki f'toroq traffikużi ħafna

Kull dar antika f'dawn it-toroq hija eliġibbli sa massimu ta' €10,000 biex tiġi rrestawrata l-faċċata

Il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia dalgħodu fil-Marsa ħabbar skema li permezz tagħha binjiet u djar antiki f'żoni urbani traffikużi jkunu restawrati. 

L-iskema hija ta' €2 miljuni, f'ċerti toroq fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, Birkirkara, Santa Venera, Rabat, Raħal Ġdid, Marsa u Ħal Tarxien, u permezz tagħha se jiġu rrestawrati faċċati ta' djar antiki, li sofrew effetti ħżiena mas-snin minħabba l-volum tat-traffiku. Permezz ta' din l-iskema l-kuntrattur jaħdem direttament mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex b'hekk ir-residenti ma jkollhomx għaliex joħorġu flus huma. 

L-Awtorità se tħallas sa massimu ta' €10,000 fuq kull dar għar-restawr ta' dawn id-djar u dawn jitħallsu direttament mill-Awtorità lill-kuntrattur, hekk kif il-maġġoranza ta' dawk li jistgħu jibbenefikaw huma persuni anzjani u allura l-probbabilità hija li dawn ma jkunux jistgħu jħallsu għall-ispejjeż tar-restawr minn qabel u jkollhom jistennew rifużjoni

Farrugia fakkar fi skemi oħrajn li ħabbar il-Gvern fl-aħħar ġimgħat fosthom 'Irrestawra Darek' u 'Green your Building' biex djar iħaddru l-faċċati tagħhom. 

Fost dawk it-toroq traffikużi li r-residenti tagħhom se jkunu jistgħu jibbenefikaw hemm Rue d'Argens fl-Imsida, Triq il-Kbira/Triq San Ġużepp fil-Ħamrun/Santa Venera, Triq Balbi fil-Marsa u Triq il-Wied f'Birkirkara.

More in Politika