Il-Maltin jixtiequ jsiefru imma kawti ħafna ... min se jistenna tmiem is-sajf u min qed jaqta’ qalbu

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ aġenziji tal-ivjaġġar u anke mal-Linja Nazzjonali tal-Ajru dwar l-interess tal-Maltin fis-safar. Qed jibbukjaw? Min qed jibbukja l-aktar? Fejn qed imorru u meta?

Is-sajf beda u kif! Is-sħana qed tagħmel tagħha u l-għejja, wara sena diffiċli għal kulħadd, ukoll qed tinħass. Għalhekk ħafna jinsabu ħerqana biex jasal dak il-mument meta jitfu l-kompjuter tax-xogħol, jagħlqu l-bagalja u jaqbdu ajruplan biex jaqtgħu waħda tajba mir-rutina ta’ kuljum. 

Madanakollu, anke jekk l-għatx għas-safar hemm qiegħed u l-kunfidenza reġgħet bdiet tiżdied, speċjalment issa li ħafna huma mlaqqma,  jidher li l-Maltin qed iħallu lejn l-aħħar tas-sajf biex isiefru, x’aktarx biex jaraw kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni li lilhinn minn Malta, għadha ‘l bogħod minn perfetta.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tliet aġenziji tal-ivjaġġar, ROCS Group, Hamilton Travel u Brittania Tours u anke mal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta. It-tlieta li huma qablu li l-interess fis-safar qed jiżdied, il-Maltin qed jistaqsu aktar iżda fl-istess ħin qed ikunu kawti u x’aktarx li jippreferu jsiefru tard fis-sajf, biex jaraw kif se tevolvi s-sitwazzjoni. 

Apparti minn hekk, jidher li t-tours organizzati mhux qed ikunu daqstant popolari, b’ħafna Maltin qed jistaqsu aktar fuq btajjel qosra fuq bażi individwali u qed jagħżlu d-destinazzjonijiet tagħhom wara li jirriċerkaw fuq il-postijiet l-aktar siguri. 

Mill-banda l-oħra, anke jekk is-sena 2021 mistennija tkun waħda wkoll diffiċli għall-aġenziji tal-ivjaġġar, anke għax l-impatt tas-sena li għaddiet għadu qed jinħass, qed iħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu u qed jittamaw li l-interess ikompli jiżdied fix-xhur li ġejjin. Madanakollu mhux jistennew li s-sitwazzjoni tas-safar tirritorna għan-normal qabel l-2025. 

Colin Aquilina (ROCS)
Colin Aquilina (ROCS)

‘Il-Maltin iridu jsiefru ... qed ninnutaw żieda fl-interess’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Colin Aquilina, Kap Eżekuttiv ta’ ROCS Group li saħaq kif fl-aħħar 15-il xahar, it-tendenzi dwar is-safar inbidlu b’mod drastiku, niżlu l-volumi u l-kunfidenza naqset għal-livelli bla preċedent. Fi kliemu, il-pandemija mhux biss kellha impatt fuq in-negozju fl-2020 u l-2021 imma saħansitra wkoll kellha impatt negattiv fuq parti kbira min-negozju li s-settur tat-turiżmu għamel fl-2019, waħda mill-aqwa snin għas-settur turistiku Malti.

“Is-sistema kollha trid tinbidel. Kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li nbena tul is-snin spiċċa għal kollox u l-organizazzjonijiet bil-kapaċità li jinbiddlu, li jaddattaw u fuq kollox b’viżjoni li jaħtfu l-opportunitajiet, se jkunu dawk li jkampaw,” insista Aquilina.

Madanakollu, mistoqsi jekk is-suċċess tal-programm tat-tilqim u l-fatt li l-pandemija tinsab taħt kontroll, kellhomx impatt fuq il-bookings mill-Maltin, Aquilina kkonferma li fl-aħħar ġimgħat innutaw żieda sostanzjali fit-turiżmu intern. Qal li l-Grupp li hu jmexxi kellu rispons tajjeb fuq offerti li huma għandhom għas-suq intern. Fi kliemu, għal dawn l-offerti, qed ikun hemm “mijiet” ta’ persuni li qed jibbukjaw kuljum.

Fejn jidħol is-safar mill-Maltin, Aquilina saħaq li dan se jkun qed jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom iċ-ċertifikati tal-vaċċin, il-lista ta’ pajjiżi siguri għas-safar u anke l-kunfidenza tal-vjaġġatur. Jiddependi wkoll, kompla jisħaq, fuq il-linji tal-ajru li se jkunu qed jerġgħu jibdew joperaw minn Malta, anke għax Malta tilfet ħafna mill-konnettività li kellha.

“Qed naħdmu mal-imsieħba tagħna biex inżidu l-konnettività. Fl-opinjoni tiegħi, jekk in-numri tal-Covid-19 jinżammu taħt il-kontroll, l-interess fis-safar se jikber b’rata aktar mgħaġġla minn kemm konnha qed nistennew u l-konnettività tagħna tiżdied,” insista.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Aquilina kif dan is-sajf qed jikkumpara ma’ sena normali mingħajr il-pandemija. Minkejja ż-żieda fl-interess, Aquilina insista li x-xogħol xorta waħda għadu baxx ħafna. “Ngħidlek li x-xogħol naqas b’90% meta kkumparat ma’ sena normali bla pandemija,” kompla jispjega.

Mistoqsi dwar l-etajiet u jekk innutawx differenzi, fejn jidħlu l-bookings, Aquilina insista li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija aktar interessata u jidher li l-anzjani qed joqogħdu aktar lura, forsi anke minħabba kumplikazzjonjiet fejn jidħol is-safar.

Jidher ukoll, kompla jispjega, li l-Maltin huma interessanti li jsiefru lejn tmiem is-sajf, anke biex jistennew dak li se jiġri f’pajjiżi oħra, partikolarment fejn jidħlu l-proċeduri, ir-restrizzjonijiet u l-lockdowns.

Fil-fatt insista li l-Maltin qed isegwu mill-qrib dak li qiegħed jiġri fil-pajjiżi l-oħra. Kien hawn li saħaq li hekk kif l-Emirates ħabbru li se jkunu qed jerġgħu joperaw titjira minn u lejn Dubaj u Ċipri, żdied ħafna l-interess, anke dawn id-destinazzjonijiet popolari huma sal-lum siguri ħafna (fejn jidħol il-Covid-19).

Mistoqsi kif qed iħarsu lejn il-kumplament tas-sena, Aquilina tenna li l-pandemija offriet sfida kbira, partikolarment għas-settur tal-ivjaġġar, aktar minn kemm wieħed kien qed ibassar. Madanakollu saħaq li jinsab kuntent li ROCS irnexxielha tgħaddi minn dawn ix-xhur b’determinazzjoni u sal-lum ħadd mill-impjegati ma tilef xogħlu.

Huwa u jħares lejn il-futur, Aquilina insista li l-Maltin iridu jsiefru.

“Aħna gżira u l-insularità żżid ħafna x-xewqa tagħna li nsiefru, niskopru kulturi u destinazzjonijiet ġodda. Diġà qed ninnutaw din iż-żieda. Pajjiżi u attrazzjonjiet kemm fl-UE u anke lilhinn qed jiftħu mill-ġdid u l-Maltin qed jerġgħu jibnu l-kunfidenza,” saħaq Aquilina.

Kompla jinsisti li l-kunfidenza se tiżdied abbażi tas-sitwazzjoni tal-pandemija kemm f’Malta imma anke lilhinn, is-suċċess taċ-ċertifikat tal-vaċċin u l-protokolli għall-vjaġġaturi kemm f’Malta u anke f’pajjiżi oħra.

“Nittamaw li din it-tendenza li qed ninnutaw tippersisti u li l-ftuħ tal-fruntieri jsir b’tali mod li l-virus ma jerġax jerfa’ rasu u nispiċċaw b’żieda fin-numri. Kunfidenti li l-ivjaġġar se jaqbad ritmu imma nbassru wkoll li nerġgħu nilħqu l-livelli li konnha ksibna qabel il-pandemija, fl-2025,” temm jisħaq Colin Aquilina.

L-Air Malta
L-Air Malta

‘Il-Maltin għadhom kawti ħafna biex isiefru ... spejjeż ġodda, restrizzjonijiet u rekwiżiti mhux jgħinu’

L-istess mistoqsijiet li poġġiet quddiem l-Aġenziji tal-Ivjaġġar, l-ILLUM għamlithom ukoll lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta. Kelliema għall-Air Malta qalet li fl-aħħar ġimgħat, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru esperjenzat żieda fil-bookings, iżda din kienet xprunata primarjament minn bookings ġejjin minn barra minn Malta.

“Il-feedback minn diversi operaturi lokali tal-ivjaġġar jissuġġerixxi li ċ-ċittadini Maltin għadhom kemmxejn kajmana sabiex jsiefru barra l-pajjiż. Fatturi li jikkontribwixxu għal dan jistgħu jinkludu l-kumplessità u spejjeż tar-rekwiżiti l-ġodda, restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar li kontinwament jinbidlu, inkonsistenzi u domanda għall-dokumentazzjoni pprintjata meħtieġa f’xi pajjiżi,” saħqet il-kelliema.

Madanakollu saħqet li ż-żgħażagħ għandhom attitudni aktar pożittiva lejn l-ivvjaġġar matul dan iż-żmien.

“Għadna nistennew iż-żieda tradizzjonali tal-bookings ġejjin mill-familji Maltin. Għad m'hemm l-ebda sinjal tad-domanda storikament qawwija fuq is-suq Ingliż, kemm minn Malta jew dik ġejja minn dan is-suq,” saħqet il-Kelliema. Il-fatt li r-Renju Unit baqa’ ma poġġiex lil Malta fuq il-lista l-ħadra għas-safar, mhux jgħin lanqas.

Insistet li l-Air Malta se tkompli ssegwi l-iżviluppi fis-suq u tadatta wkoll il-konnettività tagħha. Fakkret kif fl-aħħar ġimgħat, l-Air Malta żiedet il-frekwenzi fuq rotot fejn hemm domanda, fosthom żiedet ir-rotot ta’ Dusseldorf u Berlin u anke żiedet il-frekwenzi fuq ir-roto ta’ Pariġi u Amsterdam.
  
“Filwaqt li hemm diversi swieq u rotot li l-Air Malta kkanċellat fl-aħħar ġimgħat għall-perjodu tas-sajf, dawn jibqgħu parti mill-pjanijiet futuri tan-netwerk tagħha,” kompliet tisħaq.
 
Temmet tisħaq li fil-futur qarib l-Air Malta qed tistenna proporzjon akbar ta’ bookings ġejjin mis-suq Malti peress li mill-1 ta’ Lulju se jibda jintuża d-Digital Green Pass tal-UE. 

“L-Air Malta tkompli tappoġġja inizjattivi bħal dawn li jiffavorixxu obligi komuni, jiffaċilitaw l-ivvjaġġar, u jnaqqsu l-ispejjeż għall-klijenti tagħha,” temmet tgħid il-kelliema.

Norman Hamilton (Hamilton Travel)
Norman Hamilton (Hamilton Travel)

‘Qed jistaqsuna l-aktar għal Awwissu, Ottubru jew il-Milied’

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Norman Hamilton, minn Hamilton Travel li mistoqsi dwar iċ-ċaqliq fejn jidħol il-bookings mill-Maltin, saħaq li hemm xi ftit jew wisq ta’ interess iżda lanqas huwa xi wieħed esaġerat.

Insista li ftit li xejn hemm xewqa jew interess dwar tours organizzati, bl-ajru, il-hotels u t-trasport, bil-maġġoranza tal-Maltin qed jistaqsu għal btajjel qosra fuq bażi individwali.

Hamilton spjega wkoll kif il-cruises li jitilqu minn u jiġu lura Malta jidher li qed ikun mfittxija ħafna. Apparti minn hekk, destinazzjonijiet oħra popolari qed ikunu Sqallija, Sardenja u anke l-Greċja. Dawn id-destinazzjonijiet huma miftuħa għat-turisti u ftit li xejn qed jitolbu rekwiżiti.

Mistoqsi jekk hemmx xi perjodu partikolari li fih il-Maltin qed juru aktar interess, Hamilton ukoll ikkonferma li l-Maltin donnu li se jħallu lejn it-tmiem tas-sajf jew saħansitra aktar tard fis-sena.

“Qed jistaqsuna l-aktar għax-xhur ta’ Awwissu u Ottubru. Xi wħud qed jistaqsu wkoll għal vjaġġi individwali jew mal-familja għal Diċembru jew l-Ewwel tas-Sena,” kompla jisħaq.

Mistoqsi kif qed iħarsu lejn il-bqija tas-sena, Hamilton saħaq li s-sena 2021 “hija waħda mitlufa.”

“Se sservi biex niġbru lura l-flus tan-nies, hekk kif sena ilu aħna ħallasna bil-quddiem lill-fornituri u l-kumpaniji li naħdmu magħhom,” insista. “Inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu kawt lejn is-sena 2022, bħala l-bidu tat-triq lejn in-normalità li wieħed jistenna li tibda tintlaħaq fl-2024.”

Noel Farrugia (Brittania Tours)
Noel Farrugia (Brittania Tours)

“Qed jibbukjaw imma huma kawti ... jistaqsuna jekk jiħdux flushom lura’

Noel Farrugia, Direttur Maniġerjali tal-Brittania Tours, ikkonferma wkoll li l-interess tal-Maltin qiegħed jiżdied anke jekk ukoll saħaq li n-nies qed ikunu kawti.

“Ħafna nies bdew jistaqsu u jagħmlu talbiet dwar bookings, kemm fi grupp u anke biex isiefru b’mod individwali. Ħafna qed jistaqsu kemm ikun kbir il-grupp u jpoġġu d-deposits anke jekk b’kawtela. Jistaqsu jekk jiħdux flushom lura jekk jinqala’ xi ħaġa,” insista.

Mistoqsi kif jikkumpara dan il-perjodu ma’ sena bla pandemija, Farrugia saħaq li x-xogħol huwa ‘l bogħod ħafna minn kif kienu mdorrija bih, madanakollu insista li wara sena u nofs kważi wieqfa kompletament, “kollox huwa sabiħ.”

“Li tara n-nies deħlin jistaqsu u jibbukkjaw jew idoqq it-telefon huwa sinjal li bdejna nersqu lejn in-normalità għalkemm fadal x’naqdfu,” kompla jgħid.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qalulna aġenti oħra, Farrugia saħaq li kien sorpriż b’firxa kbira ta’ etajiet li qed jibbukjaw. Il-maġġoranza ta’ dawk li qed jibbukjaw għandhom bejn 40 u 60 sena, iżda saħaq li anke anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena bbukkjaw.

Ikkonferma wkoll li l-maġġoranza qed iħallu għall-aħħar ta’ Lulju u Awwissu biex isiefru, anke biex iserrħu rashom u jaraw jekk is-sitwazzjoni tibqax taħt kontroll.

Qal ukoll li n-nies qed jirriċerkaw u jagħżlu l-postijiet li l-aktar jaħsbu li huma siguri. Fil-fatt qal li ħafna qed jistaqsu għal btajjel lejn destinazzjonijiet qalb il-muntanji u l-arja pura.

Fil-fatt spjega kif in-naħa ta’ fuq tal-Italja, l-Islovenja (bħal Lake Bled) u t-Tirol (l-Awstrija) qed ikunu imfittxija ħafna.

“Il-fatt li bdejna tatna ftit tal-ħajja! Mhux se nerġgħu nħarsu lura u ċert li x-xogħol se jkompli jiżdied. Il-fatt li għandna numru kbir ta’ nies li huma mlaqqma, jagħmel aktar kuraġġ lit-turist Malti biex isiefer,” temm jisħaq Farrugia. 

More in Politika