Id-dokumenti marbuta mal-Covid-19 qed jiġu vverifikati b'mod manwali; 'Sitwazzjoni mhux aċċettabbli' jgħid l-MIA

Jappella lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex il-proċess ikun diġitalizzat malajr kemm jista' jkun 

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta saħaq li s-sitwazzjoni fejn jidħol il-kontroll fuq iċ-ċertifikati tal-vaċċin mhijiex aċċettabbli u huwa konxju tal-kjuwijiet kbar li qed jinġemgħu fl-ajruport, malli jaslu t-turisti.

Jidher li l-fatt li d-dokumenti marbuta mal-Covid-19  qed ikollhom jiġu vverifikati b'mod manwali u mhux b'mod diġitali, qed iwassal għal dewmien kbir. Għalhekk l-Ajruport ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex immedjatament jiddiġilizzaw is-sistema.

L-Ajruport saħaq li d-dewmien qed iwassal għal inkonvenjenza u anke ansjetà fost it-turisti li jkunu għadhom lanqas biss bdew il-btala.

Propju għalhekk li l-Ajruport appella lill-uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex malajr jekk jista' jkun il-proċess ta' verifika jiġi diġitalizzat biex ma jkunx hemm dewmien.

Għalissa, Malta qed taċċetta biss PCR tests minn dawk il-barranin li jkunu ġejjin Malta u dan irid ikun sar mhux aktar minn 72 siegħa qabel jaslu Malta.

Iċ-ċertifikati tal-vaċċin maħruġa minn pajjiżi oħra għadhom mhux qed jiġu aċċettat, iżda l-Ministru Chris Fearne qal li Malta hija lesta biex tingħaqax maċ-ċertifikat diġitali tal-UE mill-1 ta' Lulju.

Il-Maltin u dawk residenti f'Malta jistgħu jużaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin maħruġ mill-awtoritajiet Maltin biex jidħlu Malta.

More in Politika