‘Sejba li tista’ tbiddel l-istorja tar-raħal ta’ San Lawrenz u ta’ Għawdex’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Sindku ta’ San Lawrenz, li waqt passiġġata fir-raħal ċkejken tiegħu, innota għar li ġibidlu l-attenzjoni. X’sab fih? X’inhu dan l-għar? X’se jsir minnu? Għaliex huwa importanti? 

 

Sejba li saret dan l-aħħar fir-raħal ċkejken iżda pittoresk ta’ San Lawrenz tista’ tbiddel l-istorja tar-raħal u anke titfa’ aktar dawl fuq l-ewwel abitanti tal-gżira Għawdxija. Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM is-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa. Fil-fatt, kien l-istess Sindku li għamel din is-sejba waqt passiġġata li kien qiegħed jagħmel f’dan ir-raħal li jinsab f’tarf il-gżira.

Formosa spjega kif f’Awwissu li għadda, waqt li kien miexi f’parti tar-raħal, innota daħla, f’binja abbandunata, li kienet tagħti għal ‘għar’ ċkejken. “Mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li dan ma kienx xi għar komuni,” insista s-Sindku. “Xebbaħtu ħafna mat-Tempju Puniku li nsibu fl-inħawi magħrufa bħala Ras il-Wardija.”

Is-Sindku spjega kif ħa diversi ritratti ta’ dan l-għar u l-ewwel esperti kienu qed jgħidulu li dan kien sempliċiment post fejn kien jiġi midħun il-qamħ, li bħalu, kemm f’Malta u anke Għawdex, hawn ħafna. Iżda ma kienx konvint sakemm ir-ritratti waslu f’idejn l-Arkeologu Dr George Azzopardi.

Iżda x’inhu eżatt dan l-għar?

Fil-fatt, kompla jispjega s-Sindku, malli l-Arkeologu ra b’għajnejh ir-ritratti u anke talab li jżur l-għar biex jarah mill-viċin, ikkonkluda li l-għar kien post fejn isir it-tagħsir tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid u hemm diversi sinjali li jikkonfermaw dan.  

L-Arkeologu spjega kif dan jirriżulta mill-fatt li fiċ-ċentru, mal-art, wieħed għadu jista’ jara l-post fejn kien isir it-tkissir jew it-tgħaffiġ tal-għeneb bis-saqajn u anke vaski, ħofor u kanali oħra li kienu parti mill-proċess kollu kemm hu.  

Fil-fatt, fin-nofs wieħed isib speċi ta’ ħawt kbir u ħawt ieħor iżgħar li huwa inkorporat fih. Fil-ħawt il-kbir kien isir it-tagħsir tal-għeneb bis-saqajn u dak li joħroġ minnu kien jgħaddi għall-ħawt jew il-vaska ż-żgħira.

Mas-saqaf ukoll jidher li hemm is-sinjali fejn kien imweħħel makkinarju, simili għal skrun, li kien jgħin biex il-fosdoq (il-fdalijiet tal-għeneb) jerġa’ jkun ippressat, biex jittieħed minnu kemm jista’ jkun likwidu. 

Kemm imur lura fiż-żmien?

Mid-daqqiet tal-għodda, l-Arkeologu kkonferma wkoll li dan ma kienx għar naturali iżda nħadem kompletament mill-bniedem. Mill-istess daqqiet tal-għodda u anke mill-metodu użat għat-tagħsir tal-għeneb, seta’  jikkonkludi wkoll li din il-magħsra tal-inbid, possibbilment tmur lura għaż-żmien Puniku Ruman, jiġifieri jmur lura għal madwar 2,000 sena.

Is-Sindku spjega kif minkejja li hawn diversi magħsriet tal-inbid fil-miftuħ, bħalma hemm ukoll fl-inħawi tad-Dwejra u Mġarr ix-Xini, l-opinjoni tal-Arkeologu hija li din hija l-uniku magħsra tal-inbid li tinsab magħluq għall-elementi, f’dan il-każ f’għar magħmul mill-bniedem. 

X’se jsir minn din is-sejba?

Mistoqsi x’se jsir minn din il-magħsra, is-Sindku saħaq mal-ILLUM li bħalissa l-għar mhuwiex aċċessibbli għall-pubbliku anke minħabba periklu li hemm.

Madanakollu insista li l-Kunsill Lokali qed jirsisti biex dan is-sit ikun jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali, bil-għan li jkun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku. 

Qal ukoll li miegħu hemm dar li mhux tintuża li tkun tista’ tintuża wkoll bħala ċentru ta’ informazzjoni.

‘Nemmen li din il-parti ta’ Għawdex kienet importanti għall-merkanzija’

“Din is-sejba tista’ tbiddel l-istorja ta’ raħalna,” insista s-Sindku. 

Saħaq li hu ilu jemmen li din il-parti tal-gżira Għawdxija kienet imfittxija ħafna għall-merkanzija u x’aktarx li kienet ukoll l-ewwel żona abitata f’Għawdex.

Insista li dan jixhduh attrazzjonijiet oħra storiċi u importanti bħalma huma l-magħsriet tal-inbid fid-Dwejra, it-tempju puniku ta’ Ras il-Wardija u anke sejbiet oħra, fosthom tal-fuħħar fiż-żona magħrufa bħala Tal-Port, fl-inħawi tal-Ġebla tal-Ġeneral. 

“Aħna naraw potenzjal qawwi f’dan il-post u fir-raħal tagħna kollu kemm hu. Determinati li mhux biss nissalvagwardjaw dan il-patrimonju imma anke nagħtu servizz lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna,” temm jgħid is-Sindku.

More in Politika