Analiżi | 12-il sena wara u għadu ma jistax jieħu r-ruħ il-PN! Imma għaliex?

Meta fl-2009 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza ta' ftit aktar minn 35,000 vot - ftit kienu jimmaġinaw li dak ir-riżultat u dak id-distakk se jibqa' jirrepeti ruħu għal tnax-il sena. Għaliex il-PN qed jibqa' daqstant minn taħt?

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ fis-sondaġġi u l-uniku ftit tama għalih dehret biss meta kien hawn il-pajjiż fit-tieni kważi lockdown b'eluf ta' negozji mill-ġdid magħluqin, impjiegi imdendlin, numri ta' każi għoljin u inċertezza kbira. 

Imma minn mindu l-pajjiż reġa' beda jiftaħ bil-mod, il-mod u kemm ilna bin-numri baxxi ħafna, filwaqt illi Malta ippożizzjonat lilha nnifisha fuq quddiem nett tal-proċess ta' vaċċinazzjoni u b'hekk il-kunfidenza fost il-poplu bdiet titqawwa u tissaħħaħ,  jidher illi l-ftit fortuna u xaqq ta' dawl li bdew jidhru għall-partit fl-Oppożizzjoni intfew mill-ġdid biex żewġ sondaġġi xjentifiċi wara xulxin indikaw distakk ta' 35,000+ vot.

Il-PN ilu jitlef kull elezzjoni fuq livell nazzjonali b'distakk kontrih ta' aktar minn 30,000 vot sa mill-2009 (Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew) biex b'hekk ilu 12-il sena minn taħt bil-kbir, biddel tliet Kapijiet mill-2013 (Gonzi - Busuttil - Delia), jinsab għalhekk fir-raba' Kap tiegħu fl-Oppożizzjoni u xorta ma jidhirx li qed jagħmel progress sinjifikanti biżżejjed. 

Allura x'inhu l-futur?  Iktar telf biss?  Diżastri elettorali biss?  Jew hemm mod kif il-PN jibda jersaq b'mod reali u effettiv lejn il-Gvern fis-snin li ġejjin? 

Il-gazzetta ILLUM tanalizza x'għandu bżonn il-PN fi tliet raġunijiet prinċipali.

1) - Il-problema mhux il-Kap, imma l-Kap jista' jkun parti mill-problema - Huwa ċar, issa aktar minn qatt qabel li l-problema tal-PN tmur oltrè mill-Kap waħdu. L-eks PM Gonzi kellu ħafna nuqqasijiet - u madwaru kellu nuqqasijiet u arroganza u nies li jitrattaw lill-elettorat ħażin u nies li jattakkaw u jivvilifikaw lil min ma jaqbilx mal-PN - ħafna aktar minnu. Żbalji saru uħud minnhom kbar, bħall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ir-razzjonalizzazzjoni tal-konfini tal-bini li fissret art daqs is-Siġġiewi kellha tinbena, il-mod kif kien qed jinxtara ż-żejt, it-taħwid fis-sistema tal-Arriva u aktar. Imma kellu preġji wkoll, bħal kif tratta ajruplan mil-Libja waqt ir-Rebbiegħa Għarbija, kif Malta baqgħet ximkien fil-wiċċ minkejja kriżi finanzjarja internazzjonali u l-ewwel pakkett finanzjarju mill-UE .  Imma l-popu tah żewġ telfiet enormi ta' 35,000+ voti (2009 u fl-2013). 

Simon Busuttil, jista' jkun li forsi kien nieqes minn kariżma mistennija minn settur wiesa ta' votanti u ġie fi żmien fejn il-poplu ma riedx jaf bil-PN. Minkejja li qatt ma kellu ċans jirbaħ u minkejja illi rabat wisq il-karru tal-PN mal-korruzzjoni - kważi esklussivament - xorta kien qed jagħmel punti validi fuq kwistjonijiet bħal Panama Papers, il-VGH u oħrajn. Iżda l-poplu tah żewġ telfiet enormi ta' 33,000+ vot (2014 u 2017). 

Adrian Delia - kien ir-risposta ta' ħafna fil-PN għall-bidla.  Xi ħadd ħafna iktar kariżmatiku, aktar "tan-nies", b'immaġini ħafna inqas stirata u arroganti u persuna li lest jiġġieled fuq diversi fronti, mhux il-korruzzjoni biss. Pero kien fil-mira ta' Daphne Caruana Galizia fuq kont f'Jersey u n-nies ta' madwaru, fost oħrajn. Is-segwaċi tagħha - settur ta' votanti Nazzjonalisti - għalihom Delia qatt ma kien Kap idoneu. U r-riżultati wrew għax fl-uniku opportunità tal-vot il-poplu ta lil Delia telfa rekord ta' 43,000 vot (Parlament Ewropew 2019).

Issa hemm Bernard Grech li ma jistax jitqabbel mat-tliet predeċessuri tiegħu minħabba li għadu ma qagħdx għat-test ta' elezzjoni nazzjonali. Imma jekk dan it-test jirriżulta mill-ġdid f'telfa li hija ximkien viċin it-30,000 vot kif qed juru s-sondaġġi sa issa, allura jkun ċar li l-Kap mhuwiex il-problema, għalkemm b'xi mod jew ieħor jista' jkun parti minnha. 

Li jfisser illi jekk l-elezzjoni b'xi mod tirrifletti dawn is-sondaġġi (l-aħħar wieħed b'distakk ta' 48,000 vot) pero anke jekk ma tirriflettix eżatt u l-PN jitlef bi 28,000 vot (per eżempju) xorta jkun ċar li bidla fit-tmexxija tal-PN mhu se tbiddel xejn jekk mhix se tiġi b'bidliet oħrajn mill-qiegħ. 

2) Ifhmu s-sentiment tal-poplu!

Ma noqgħodux induru magħha.  Partit huwa effettiv daqs kemm jirbaħ u jagħmel il-viżjoni tiegħu dik tal-pajjiż.  Per eżempju - Jaħsbu kemm jaħsbu probabbilment eluf ta' nies li Alfred Sant kellu raġun fuq il-partnership hija rrilevanti issa, għax il-poplu dik il-viżjoni ma ridiex u l-pajjiż triq oħra ħa.  Fl-istess linja, jaħseb kemm jaħseb li dan il-Gvern kien ħaqqu jitkaxkar 'il barra mill-poter għax skont il-PN kien "l-aktar Gvern korrott fl-istorja" - fil-verità mhux hekk ġara għax il-poplu reġa vvota bi ħġaru lill-PL fl-2017 u aktar bi ħġaru fl-2019. 

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li ma jipprostitwixxix ruħu għall-voti, irid jifhem is-sentiment tal-poplu. X'inhu s-sentiment tal-poplu inġenerali bħalissa? 

Huwa sentiment ta' "kif xbajna ngħixu taħt Gvern Laburista ejja ħa nbiddlu ħa jitilgħu l-PN"?  Huwa sentiment ta' "kemm sejrin tajjeb, kulħadd vaċċinat, kulħadd jonfoq. Nibqgħu kif aħna"? Huwa sentiment ta' "dan il-Gvern vera mexa tajjeb f'din il-kriżi u jiena ma għandx xi ngerger!  Imma l-ambjent diżastru u serq u korruzzjoni iżżejjed"? Huwa sentiment ta' "in-negozju sejjer tajjeb issa u fil-problemi l-Gvern tani l-għajnuna! X'jimpurtani mill-korruzzjoni"?  Jew inkella forsi "dal-Gvern qed iddejjaqni issa, imma l-PN xejn aħjar"?

Il-PN irid jifhem liema minn dawn is-sentimenti huwa prevalenti, filwaqt li jifhem li kull wieħed minn dawn is-sentimenti huma reali. U wara jistaqsi lilu nnifsu bħala partit kif qed ikun alternattiva għal kull min qed jirraġuna b'dan il-mod. Għan-negozjant kbir u żgħir, għall-ħaddiem, għall-kuntrattur, għall-ambjentalist, għall-votant liberali, għall-kaċċatur, għal tal-festi, għal votant żagħżugħ, għal dak li dejjem ivvota lil-Labour - hu kif qed ikun alternattiva?

Għalfejn il-PN baqa' ma ħariġx pożizzjoni ċara u uffiċjali fuq il-Liġi tal-Kannabis? Għalfejn mhu jgħid xejn dwar l-ewtanażja? Għalfejn lanqas biss imqar (anke jekk għal wiċċ in-nies) ma ddiskutiex il-mozzjoni ta' Marlene Farrugia? Għalfejn mhu jgħid xejn ta' sustanza fuq proġetti bħal tad-db u ta' Joe Portelli u oħrajn simili li jistgħu jsiru fil-futur? X'inhi d-differenza reali u tanġibbli li jista' jagħmel fuq l-immigrazzjoni mill-Afrika? 

Qed jidher dejjem aktar ċar li l-PN mhuwiex lest, sa issa, jieħu dawk il-pożizzjonijiet kontroversjali u ta' kuraġġ u ta' prinċipju li jagħmluh differenti mil-Labour. 

Kif kienet qalet tajjeb Daphne Caruana Galizia ħadd mhu se jixtri xi ħaġa falza meta jista' faċilment jixtri l-oriġinali!

3) Tim dgħajjef!

Il-PN għandu tim ta' tmexxija dgħajfa meta analizzat mal-avversarju. 

Kien u għadu żball strateġiku kbir li Bernard Grech, malli kien elett, ma fformax it-tim tiegħu, 'Tim Bernard Grech'. Minflok ħalla żewġ Viċi Kapijiet li meta tqabbilhom mal-avversarju ma jibdewx! 

Robert Arrigo - li kkampanja bil-qawwi kontra Grech u favur Delia - u li ftit li xejn  qed iħalli impatt u jagħmel ħoss, kontra Daniel Josè Micallef. Żagħżugħ, liberali, voċiferu fuq kwistjonijiet soċjali u b'immaġini moderata. 

Fuq in-naħa l-oħra David Agius - politiku affabbli li żgur li mhux jintuża l-potenzjal tiegħu  - kontra l-Ministru li jirrapreżenta l-akbar suċċess fil-qasam tas-saħħa fi snin twal minħabba l-pandemija, jiġifieri Chris Fearne! Li inċidentalment huwa l-aktar Ministru popolari fost votanti tal-PN (sondaġġi Mediatoday). 

Bħala Segretarju Ġenerali baqa' Francis Zammit Dimech -  li ilu jokkupa karigi fil-partit mis-snin 80, u li tpoġġa bħala caretaker fi żmien it-tmexxija ta' Delia wkoll. Bħal Arrigo u Agius huwa xi ftit jew wisq nieqes mix-xena u qed iħalli ftit impatt. 

Minkejja l-attentati ċari u xi minn daqqiet ta' suċess biex il-PN iressaq kandidati ġodda, huwa ċar li t-tmexxija tal-partit u allura tal-pajjiż jekk il-PN ikun elett fl-elezzjoni li jmiss mhijiex qed tkun waħda li teċita lill-votant biex jivvota lill-PN. 

Din hija problema, li Grech jew huwa komdu biha jew inkella jħoss li ma jistax jiffaċċja għax il-bilanċ fil-PN tant hu sensittiv, li malli tneħħi xi ħadd jintilef ħafna demm. Kieku meta kien elett iddeċieda fuq tim u t-tim tiegħu, probabbilment illum lanqas biss hija kwistjoni aktar u minflok l-istess uċuħ għandu madwaru nies ġodda, mimlija enerġija u li jħabbtuha sew mal-avversarji diretti tagħhom fil-PL. 

L-indeċiżjoni, minnha innifisha, hija deċiżjoni. 

Konklużjoni: U għalhekk il-konklużjoni hija li hemm ħafna raġunijiet għaliex il-PN ma jistax jaqbad art.  Li hu ċar iżda huwa, wara li tanalizza sew ix-xenarju politiku fl-aħħar 12-il sena,  li jekk id-distakk fl-elezzjoni li jmiss jiżbo    q it-30,000 vot kontra l-PN, dan ma jkunx suċċess kbir għall-Partit Laburista, daqs kemm ikun kundanna  kważi fatali għall-PN kif nafuh illum.

More in Politika