'Ħdimna ħafna ... Malta ma għandhiex tispiċċa fuq il-lista l-griża' - Evarist Bartolo

Il-Grupp għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-FATF analizza r-regoli li għandha Malta wara l-assesjar riċenti li sar mill-Moneyval. Id-deċiżjoni formali mistennija fit-23 ta' Lulju

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, saħaq li Malta ma għandhiex tispiċċa fuq il-lista l-griża hekk kif ħadmet biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja (FATF).

Il-protokolli u r-regoli ta’ Malta biex tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus ilbieraħ ġew evalwati mill-FATF wara ġimgħat sħaħ ta’ investigazzjoni minn osservatuti internazzjonali.

Il-Grupp għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-FATF analizza r-regoli li għandha Malta wara l-assessjar riċenti li sar mill-Moneyval. Ibbażat fuq dan ir-rapport, il-FATF se jkun qed jiddeċiedi jekk Malta għandhiex tispiċċa fuq il-lista l-griża.

“Jiena mhux profeta u ma nistax ngħid x’se jiġri, imma għamilna dak kollu possibbli biex ma nispiċċawx fuq il-lista l-griża,” saħaq il-Ministru.

Fakkar li l-Moneyval qalet li Malta kienet minn tal-ewwel biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF. “Biddilna l-liġijiet u l-istrutturi tagħna. Ħdima ħafna," saħaq il-Ministru.

Kompla jisħaq li Malta indirizzat “b’mod radikali” il-miżuri li kien hemm bżonn biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u ssaħħaħ is-Saltna tad-Dritt.

Id-deċiżjoni formali mistennija titħabbar nhar it-23 ta’ Lulju waqt sessjoni plenarja tal-FATF.

More in Politika