Il-projbizzjoni tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel x'aktarx li sseħħ bejn l-2030 u l-2034

Il-Gvern qed jitlob l-opinjonijiet biex tkun tista’ tiġi stabbilita data għalkemm jidher li diġà saru studji li jħarsu lejn is-sena 2030 jew ftit wara

Il-Gvern qed jitlob l-opinjonijiet biex tkun tista’ tiġi stabbilita data biex tkun ipprojbita l-importazzjoni tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, iżda l-informazzjoni tindika li l-mira diġà ġiet stabbilita.

Ilbieraħ Malta nediet dik li qed tissejjaħ Low Carbon Development Strategy. B’mod ċar din tissuġġerixxi li l-projbizzjoni tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel għandha tidħol fis-seħħ bejn l-2030 u l-2034.

Minkejja dan, Green Paper li ġiet ippubblikata ma’ dan id-dokument qed titlob l-opinjonijiet tal-pubbliku biex tkun determinata din id-data.

Id-dokument jispjega kif studji li saru jindikaw li l-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-karozzi li jaħdmu bil-fjuril għandha tidħol fis-seħħ fl-2030 jew ftit wara.

“Anke jekk is-sena tkun l-2030, l-impatt sħiħ ta’ din il-policy x’aktarx li jinħass snin wara,” jgħid id-dokument. Fil-fatt, meta mqabbla ma’ dak li jiġri fil-pajjiżi membri tal-UE, karozza f’Malta ddum fit-toroq ħafna aktar.

Il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma’ diversi aġenti tal-karozzi dwar dan is-suġġet li spjegaw kif minkejja li l-interess f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku qed jiżdied, ħafna jaqtgħu qalbhom minħabba l-prezz, anke jekk hemm diversi inċentivi tal-Gvern.

Apparti minn hekk, saħqu wkoll li infrastruttura għalihom ma hemmx. F’Malta bħalissa hawn 102 postijiet biss fejn jiġu ċċarġjati karozzi elettriċi jew hybrid. Skont l-istrateġija, sal-2030, dawn iridu jiżdiedu għal 6,500.

Aqra aktar dwar dan is-suġġett:

More in Politika