L-Air Malta twaqqaf it-titjiriet lejn Manchester u tnaqqas 11-il titjira lejn Londra minħabba domanda baxxa

Mill-banda l-oħra, l-Air Malta żiedet il-frekwenza tagħha lejn Pariġi u Amsterdam

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta ħabbret li se tkun qed iżżid il-frekwenza tat-titjiriet lejn Pariġi u Amsterdam filwaqt li se tkun qed tnaqqas it-titjiriet lejn ir-Renju Unit.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li wara żieda qawwija mis-swieq Franċiżi u Olandiżi, se tkun qed iżżid servizz ta’ kull ġimgħa lejn il-bliet kapitali tagħhom mill-20 ta’ Lulju 2021.

Minn din id-data, it-titjiriet lejn / mill-Ajruport Charles De Gaulle ta’ Pariġi se joperaw kuljum, ħlief nhar ta’ Erbgħa, filwaqt li mill-24 ta’ Lulju titjiriet lejn / minn Amsterdam se joperaw kuljum ħlief it-Tlieta u l-Ħadd.

Minn Settembru, se jiżdied servizz ieħor ta' kull ġimgħa biex b'hekk is-servizzi lejn il-kapitali Olandiża jiżdiedu għal sitt darbiet fil-ġimgħa.

Mill-banda l-oħra, fid-dawl tad-domanda kajmana mis-suq tar-Renju Unit wara li Malta baqgħet barra mill-lista l-ħadra tagħha għall-vjaġġaturi, l-Air Malta ħadet id-deċiżjoni li tikkanċella t-titjiriet kollha lejn / minn Manchester li kienu oriġinarjament ippjanati għall-perjodu mill-20 ta’ Lulju sal-10 ta’ Settembru 2021. 

F’Lulju, il-linja tal-ajru se tkun ukoll qed tikkanċella 11-il titjira bir ritorn lejn / minn Heathrow f’Londra billi tnaqqas l-iskeda għal sitt darbiet fil-ġimgħa b'servizz ta' filgħodu kuljum ħlief nhar ta' Tlieta.

“Qed nsegwu mill-qrib l-iżviluppi kollha fis-suq u naddattaw in-netwerk tagħna skond dawn l-iżviluppi. Sfortunatament, in-nuqqas ta’ Malta min fuq il-lista l-ħadra tar-Renju Unit u t-tnaqqis fil-prenotazzjonijiet bil-quddiem mingħajr sinjali ta' titjib, ma ħallewniex għażla oħra ħlief li nikkonsolidaw l-operat ippjanat tagħna. Ir-Renju Unit jibqa' parti integrali mill-pjanijiet tan-netwerk futuri tagħna u l-Air Malta terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi," saħaq il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Roy Kinnear

Għalhekk dan is-sajf l-Air Malta se topera titjiriet diretti lejn / minn 19-il belt: Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Liżbona, Londra Heathrow, Lyon, Munich, Milan Linate, Palermo, Pariġi Charles De Gaulle, Pariġi Orly , Praga, Ruma, Vjenna, u Zurich.

More in Politika