'Malta ma tistax titgħallem mill-iżbalji ta' ħaddieħor għax tinsab l-ewwel fit-tilqim' - Fearne

Il-Ministru Fearne jisħaq li fl-24 siegħa li ġejjin Malta se tilħaq tragward ieħor importanti hekk kif 60% tal-popolazzjoni adulta se tkun imlaqqma kompletament

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li Malta ma tistax timxi fuq dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra fir-rilaxx tal-miżuri, għax fi kliemu, il-fatt li tinsab fuq quddiem fit-tilqim, ifisser li ma tistax titgħallem mill-iżbalji ta’ ħaddieħor.

Fearne qal dan meta kien qed jindirizza l-Parlament. Insista li Malta hija pijuniera fejn jidħol it-tilqim, imma  dan ifisser ukoll li Malta ma tistax tara x’sar jew x’qiegħed isir f’pajjiżi oħra u għalhekk trid tkun kawta biex ma tagħmilx żbalji.

Insista li l-uniku pajjiż li jista’ jitqabbel ma’ Malta, fejn jidħol it-tilqim, huwa r-Renju Unit, iżda fakkar li fl-aħħar jiem, il-varjant li ġie identifikat l-ewwel darba fl-Indja, qed joħloq il-problemi u wassal għal żieda fil-każi.

Għalhekk saħaq li l-miżuri għandhom jitneħħew b’mod gradwali, kawt u b’mod studjat.

Insista li azzjoni trid tittieħed b’pass żgħir li jkun evalwat qabel jittieħed il-pass ta’ wara. 

60% tal-popolazzjoni adulta mlaqqma kompletament

Apparti minn hekk, il-Ministru Fearne qal li fl-24 siegħa li ġejjin, se jkun qed jintlaħaq tragward ieħor importanti hekk kif 60% tal-popolazzjoni adulta se tkun imlaqqma kompletament, filwaqt li 72% tal-Maltin se jkunu ħadu l-ewwel doża.

Filwaqt li saħaq li t-tilqim qed jaħdem, insista li wieħed irid jibqa’ attent minħabba l-varjanti waqt li fakkar ukoll li d-dewmien tal-immunità mit-tilqima għadu qed ikun studjat.

Jiġri x’jiġri, saħaq Fearne, l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom kollox imħejji f’każ li jkun hemm bżonn booster tal-vaċċin din is-sena, is-sena d-dieħla u anke ta’ wara.

More in Politika