Il-Maġistrat Montebello tisħaq li Fenech Adami ma kisirx drittijiet ta' Fenech iżda twissi lid-Deputat

Il-Maġistrat saħqet li Fenech Adami seta' kien aktar attent meta kien qed jesprimi opinjoni fuq dan il-każ li jinsab quddiem il-Qorti

Id-drittijiet ta’ Yorgen Fenech ma kinux miksura meta d-Deputat Beppe Fenech Adami, fil-Parlament, assoċja l-proġett tal-Electogas mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’deċiżjoni mogħtija llum, il-Maġistrat Rachel Montebelli qalet li Fenech Adami ma tefax il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fuq Fenech, meta kien qed jindirizza l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Kien għalhekk li saħqet li d-drittijiet ta’ Fenech ma kinux miksura.

Il-każ imur lura ftit ġimgħat ilu meta l-Kumitat Parlamentari kellu quddiemu lil Paul Apap Bologna, shareholder fl-Electrogas.

Minkejja dan, il-Maġistrat saħqet li Fenech Adami seta’ kien aktar attent, bħala Chairperson tal-Kumitat, meta kien qed jesprimi opinjoni fuq dan il-każ li jinsab quddiem il-Qorti.

Insistiet li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-motiv wara l-qtil, ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Kumitat Parlamentari. 

Waqt il-laqgħa, Fenech Adami qal illi li kieku “il-proġett tal-Electrogas qatt ma sar, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel.”

Fenech Adami rrepeta kemm-il darba li Caruana Galizia nqatlet minħabba l-korruzzjoni marbuta mal-Electogas.

Kien minħabba dan li l-Avukat ta’ Fenech ressqu applikazzjoni quddiem il-Maġistrat li qed tisma’ l-każ kontra Fenech u qalu li dawn l-istqarrijiet ħolqu preġudizzju. 

More in Politika