Lista l-Ħadra tar-Renju Unit: 'Din deċiżjoni politika, kollha kemm hi'

Rabja għal Boris Johnson minn eluf li inqabdu l-Portugall, l-industrija tal-ivvjaġġar u anke minn Malta - li minkejja li tinsab fil-quċċata Ewropea f'termini ta' Covid-19 xorta ma ddaħlitx fil-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit

 

Il-PM Ingliż Boris Johnson
Il-PM Ingliż Boris Johnson

Minkejja li skont statistika Malta tinsab fuq quddiem nett fir-rata ta' vaċċinazzjoni, b'122 vaċċin għal kull 100 persuna skont is-sit Statista.com, minkejja li pajjiżna huwa l-ewwel li laħaq il-Herd Immunity fl-UE u minkejja wkoll li n-numru ta' każi baqa' baxx ħafna, ir-Renju Unit xorta ma daħħalx lil Malta fil-Lista l-Ħadra.  Dan il-pass, ġie fl-għajn tal-kritika ta' bosta, anke fil-Gvern Malti.  Uffiċjal għoli tal-Gvern saħaq mal-ILLUM illi din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens u mhi mibnija fuq ebda bażi ta' xjenza.  

"Hija biss deċiżjoni politika ta' Boris Johnson minħabba diffikultajiet u nuqqas ta' qbil li jista' jkollu mal-Unjoni Ewropea. Kollox politika. Hekk hi.  U għal din id-deċiżjoni politika se tbati l-konsegwenzi Malta," qal dan l-uffiċjal li prefera jibqa' anonimu minħabba raġunijiet diplomatiċi. 

Din il-gazzetta tinsab infurmata illi l-ewwel darba li tħabbru l-pajjiżi fuq il-lista l-ħadra, Malta ma għamlitihiex fuq din il-lista "bi żbrixx" u minħabba xi informazzjoni li kienet għadha mhux iċċarata.  Fl-aħħar tliet ġimgħat iżda Malta laħqet dak kollu li kien hemm bżonn biex tkun fuq il-lista.  Iżda minkejja r-riżultati pożittivi, il-Gvern ta' Boris Johnson, ħalla lil Malta barra u ma aġġornax il-lista. 

Aktar minn hekk, il-Gvern Ingliż saħansitra neħħa lill-Portugall mil-istess lista, xi ħaġa li ġabet kritika qawwija mill-industrija tal-Ivjaġġar. 
Is-sit Reuters irrapporta kif eluf ta' nies li kienu laħqu bbukkjaw vaganza fil-Portugall, jew li saħansitra jinsabu hemm huma nkorlati bil-kbir għal dan il-pass li qed jarawh bħala inġust, hekk kif ħarbtilhom il-pjanijiet kollha tal-ivvjaġġar,  mingħajr ma jafu se jkollhom jagħmlu kwarantina - apparti li kien hemm min kellu jwaqqaf il-vaganza ħesrem u jmur lura r-Renju Unit bi spejjeż konsiderevoli.

Is-sit sky.com tikkwota lil British Airways tiddeskrivi din id-deċiżjoni bħala "inkredibbilment diżappuntanti u li ħolqot konfużjoni...Ir-Renju Unit qiegħed f'punt kritiku u jeħtieġ jiftaħ l-ivvjaġġar ma' pajjiżi b'riskju baxx għall-ekonomija u anke biex familji jerġgħu jiltaqgħu."
L-istess sit jikkwota lill-Kap Eżekuttiv ta' Easyjet Johan Lundgren jgħid li d-deċiżjoni hija "daqqa kbira" u li "sempliċiment mhix ġustifikata mix-xjenza." Huwa akkuża lill-Gvern ta' Johnson li l-ewwel jagħmel ir-regoli, imbagħad iqatta' l-ktieb tar-regoli. "Jinjora x-xjenza u jitfa' l-pjanijiet tan-nies f'kaos." L-istess eżatt qal il-Kap tal-Linja tal-Ajru Ryanair.

Bl-istess livell ta' kritika laqgħu din id-deċiżjoni fost l-akbar aġenziji tal-ivvjaġġar li jinsabu rrabjati għal mod kif saret it-tħabbira dwar il-Portugal. 

Intant din il-Ġimgħa - nhar il-Ħamis l-10 ta' Ġunju - se ssir protesta minn dawk li jaħdmu fl-industrija quddiem Westminister. 
Dan filwaqt li petizzjoni kontra s-Segretarju tat-Trasport Ingliż Grant Shapps propju fuq din id-deċiżjoni, kienet laħqet it-12,000 firma fi ftit aktar minn 24 siegħa. 

Bir-Renju Unit jibqa' l-akbar suq turistiku Malti, anke skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tal-2019, dan li ġara mhu xejn għajr daqqa kbira għas-settur.

Skont l-NSO, fl-2017 ġew Malta 560,893 turist mir-Renju Unit, li żdiedu għal 640,570 fl-2018 u reġgħu żdiedu marġinalment għal 649,624 fl-2019 - l-aħħar sena turistika sħiħa.  L-Ingliżi huma segwiti mit-Taljani hekk kif fl-2019 ġew għal vaganza 392,955 turist Taljan. 

More in Politika