'Hemm wisq komuni bejn il-PN u l-PL fuq l-iżvilupp bla rażan u l-kruhat li qed iseħħu fil-pajjiż'

Reġgħet fid-dawl tal-kontroversja. Xejn ġdid!  Għalhekk il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Marlene Farrugia dwar l-abort, imma dwar il-Covid-19, Robert Abela, Bernard Grech u iktar ukoll...

Marlene Farrugia  - Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi
Marlene Farrugia - Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi

Kieku l-Abbozz ta' Liġi li ressqet id-Deputat Marlene Farrugia kellu jgħaddi mill-Parlament kif inhu llum u mara (anke jekk f'sitwazzjoni ta' saħħa prekarja) tmur għand tabib biex tagħmel abort, dan probabbilment jirrifjuta li jagħmel dan jew anke li jiffaċilità dan, fuq il-premessa li l-abort xorta huwa illegali u jkun qed jikser il-liġi. Se jgħidilha: "Jiena mhux se nagħmel l-abort ghax illegali.  Imma jekk tagħmlu int mhux se tmur il-ħabs!" u jgħalqilha il-bieb f'wiċċha!

Mela allura minkejja dak li qed tgħid Farrugia l-abort se jibqa' jsir b'mod illegali u minn taħt u n-nisa se jibqgħu jixtru l-pilloli abortivi online, bil-moħbi u llegalment!

Mela allura dak li trid Farrugia, mhu se jbiddel xejn għax kif qed tgħid Desiree' Attard f'paġna 11 din hija r-realtà ta' dekriminalizzazzjoni mingħajr legalizzazzjoni.  Taqbel? 

Id-Deputat Marlene Farrugia ma tomgħodx kliemha u taqbel li "iva kif qed tgħid tajjeb id-dekriminalizzazzjoni mhijiex se tagħmel l-abort legali, mhux se tippromovieh u lanqas ifisser li jiena naqbel miegħu," bdiet tgħid bħala premessa. 

Hija tgħid iżda li taqbel li apparti dak li qed tipproponi fl-abbozz jkun hemm qafas li jirregolarizza s-saħħa tal-mara u l-bżonnijiet tagħha, mit-twelid sax-xjuħija - permezz ta' servizzi b'xejn u aċċessibbli. "Id-dekriminalizzazzjoni għandha tkun parti minn pakkett ta' tibdiliet fil-liġijiet u anke fil-Kostituzzjoni," sostniet filwaqt iżda li reġgħet fakkret illi dekriminalizzazzjoni mhijiex legalizzazzjoni. 

"Li se tagħmel hija li li tnaqqas il-kundanna u t-tabù fuq l-abort u tibda diskussjoni importanti dwar in-nisa u l-kwistjonijiet tas-saħħa tagħhom.  Tagħtihom aktar opportunità jfittxu l-għajnuna u aktar kuraġġ biex persuna titkellem u titlob l-għajnuna fejn ikun meħtieġ."
Farrugia qalet illi b'hekk ikun hemm inqas nisa li jkollhom bżonn jagħmlu abort u jiġu salvati aktar ħajjiet.

Iżda l-gazzetta ILLUM terġa' tfakkarha li bl-abbozz kif inhu mhux vera se jiġu salvati ħajjiet u mgħejjuna n-nisa, għax la l-abort se jibqa' illegali l-ebda tabib mhu se jkun lest jagħmlu, jinkoraġġieh jew saħansitra juri lill-pubbliku li fil-fatt iwettqu.  Tfakkarha wkoll li ċertu droga wkoll ġiet dekriminalizzata, imma minflok ħabs taqla' multa. Liema tabib se joqgħod jirriskja l-multi? 

Farrugia iżda tinsisti li meta tiddikriminalizza kemm it-tabib u anke l-mara ma jkollhomx it-theddida tal-ħabs u allura persuna  - skont hi - ma jkollhiex għalfejn tfittex l-għajnuna bil-moħbi. 

Hija qalet illi kieku l-Parlament Malti "jimxi b'mod normali" kieku dan l-abozz imur quddiem Kumitat fejn issir diskussjoni u l-affarijiet jiżdiedu, jitnaqqsu jew jinbiddlu.  "Malli tasal għat-tielet qari, jista' jkun kompletament differenti l-abbozz, minn dak li ressaqt jiena," tgħid id-Deputat.

'Id-dekriminalizzazzjoni tal-abort huwa l-ewwel pass'

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi allura dik li hija l-mistoqsija naturali:  Mela allura għax ma marritx pass oltrè u talbet għal-legalizzazzjoni?  Forsi għax beżgħet mill-kritika li xorta qalgħet? 

"Għax naħseb li d-dekriminalizzazzjoni huwa l-ewwel pass, għax ineħħi t-tabù u għax ikollna diskussjoni miftuħa. L-ewwel pass huwa li jitneħħa l-ikkriminalizzar," sostniet. Hija tgħid mal-ILLUM li kien ikun l-ewwel pass tajjeb kieku l-Parlament imqar iddiskuta u wettaq il-bidliet kollha neċessarji f'dan l-abbozz.  

'Il-pożizzjoni tiegħi favur il-ħajja ma nbidlet qatt'

Naturalment l-ILLUM ma setgħetx ma tistaqsix lil Farrugia dwar il-kritika politika li qed taqla' fuq livell personali. Bosta qed ifakkru pożizzjonijiet li kellha fuq kwistjonijiet bħall-Att dwar l-Iffriżar tal-Embrijuni, filwaqt li oħrajn bħall-eks Viċi Kap tal-PN u Viċi PM Toni Borg ikkritikawha għax  - skont huma - daħket b'dawk li vvotawlha fl-2017. Lil dawn Marlene x'tgħidilhom? 

"Il-pożizzjoni tiegħi favur il-ħajja ma nbidlet qatt.  Jiena nibqa' nemmen li l-ħajja tibda mal-konċepiment," sostniet Farrugia.  Imma tkompli tgħid ukoll li bl-istess mod hi qatt ma kkundannat u qatt ma qalet li mara illi twettaq abort għandha tiġi kriminalizzata.

Pero jekk nemmnu li l-ħajja hija mill-konċepiment, mela allura, f'dak l-argument, irridu nemmnu li l-abort huwa qtil - tfakkarha l-gazzetta.
"Iva tagħmlu meta tagħmlu, bl-abort qed tittermina l-ħajja ta' bniedem - kont u għandi u se nibqa' nemmen li mal-konċepiment hemm persuna," tinsisti d-Deputat. 

Il-gazzetta ILLUM terġa tinterrompi u tistaqsiha: Mela allura, bl-argument tagħha stess, x'inhi d-differenza bejn qtil ta' ħajja fil-ġuf u dik ta' anzjan ta' 80 sena?

Hi twieġeb billi tgħid illi raġel ta' 80 sena mhuwiex marbut ma' ħajja ta' persuna oħra.  Kuntrarjament għal dan, tgħid illi l-fetu huwa mqabbad mal-omm u jiddependi mill-omm.

"Mela jekk se niġu f'sitwazzjoni fejn l-istat mentali jew fiżiku ta' mara jkun fil-periklu, hemmhekk il-mara li qed issostni l-fetu għandha dritt tagħmel l-għażliet tagħha."

Hija qalet illi s-soċjetà għandha toffri edukazzjoni fejn kulħadd ikun konxju tar-responsabbilitajiet tiegħu, kif ukoll sistema tas-saħħa għan-nisa li hija preventiva, aċċessibbli u b'xejn. 

Dwar l-iffirżar tal-embrijuni Farrugia tgħid illi din hija xi ħaġa kompletament differenti għax f'dan il-każ "minflok mort għall-għażla li tiffriża bajda, qed tiffriża embrijun u allura ħajja.  Din tkun tfajtha fil-friża, tuża l-embrijun li trid imbagħad dak li m'għandekx bżonn tarmi."

"Jekk inti tista' tiffriża bajda għalfejn tiffriża bniedem?" staqsiet id-Deputat Farrugia. 

'Diżgustanti u diżgustanti aktar'

U finalment dwar dan is-suġġett din il-gazzetta tistaqsi lil Farrugia x'inhi r-reazzjoni tagħha dwar kif irreaġixxew il-partiti għall-abbozz tagħha.

Bdejna bil-Partit Nazzjonalista. 

"Diżgustanti," tibda tgħid Farrugia illi tisħaq li jekk partit qed jipprova jevolvi u "jiġbor ġieħu" għallinqas irid juri li lest jiddiskuti.  "Ħalli jiddiskuti u xorta joħroġ bl-istess pożizzjoni kontra, imma mqar tiddiskuti."

Hija qalet illi l-pożizzjoni ma tirriflettix dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li għall-ewwel indika diskussjonijiet fil-partit, biex sagħtejn wara ħa pożizzjoni.  "Dan ifisser li l-kurrent konservattiv fil-PN għadu jirrenja romblu fuq kulħadd u mhuwiex konoxxenti tal-bidla fis-soċjetà."

Dwar il-pożizzjoni tal-Partit Laburista, Farrugia tgħid illi l-pożizzjoni ta' dan il-partit hija "aktar diżgustanti."  Hija ddeskriviet bħala "bluha li bħala qatt ma smajt", l-argument tal-PL li dan l-abbozz fil-Parlament "joħnoq" id-diskussjoni. 

"Minn naħa l-oħra naħseb li biex nevolvu f'pajjiż li jħoss u jħenn u li jagħti soluzzjonijiet għall-isfidi, l-ADPD l-aħjar li mexa' f'dan ir-rigward."

'Kont demonizzata u sar assassinju tal-karattru fuqi'

Għaliex allura Marlene ma baqgħetx tmexxi lill-Partit Demokratiku minn fejn kien ikollha pjattaforma ħafna aħjar biex tressaq il-pożizzjoni tagħha?

Hija qalet illi fl-elezzjoni tal-2017 imma anke wara hi ġiet demonizzata u sar assassinju tal-karattru tagħha.  "Ħallieha li ħafna minn dawk li qaluli miġnuna llum jiġu fuqi u jgħiduli li kelli raġun li ppruvajt niftħilhom għajnejhom."

Hi qalet illi dan l-attakk kien ġej mill-PL u wara anke mill-PN - meta kienet qed tikkritika lil Adrian Delia. 
"Għalhekk ħsibt li l-PD ikun aħjar mingħajri, għax ħassejt li l-attakk fuqi kien qed isir fuq partit li qed jipprova jsib saqajh," saħqet Farrugia. 

Farrugia mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil
Farrugia mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil

George Abela u Robert Abela:  L-istess jew differenti?

Fl-2008 Marlene Farrugia kienet appoġġjat bil-kbir lil George Abela għal Mexxej ġdid Laburista. Kif tara li huma simili u differenti George Abela u llum ibnu Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż bħala Prim Ministru?

"Iva kont ħdimt għal George Abela, li nirrispettah ħafna. Naħseb li dak iż-żmien Abela seta' jaġixxi u jpoġġi l-programm tiegħu b'mod aktar ħieles minn Robert Abela, forsi minħabba li l-PM tal-lum huwa marbut xi ftit, b'irbit li ma nistgħux naraw."

Imma taċċetta l-fatt li fl-aħħar sena u nofs saru riformi ġudizzjarji, riforma fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, għaddejna mit-test tal-moneyval dwar il-ħasil tal-flus u aktar?  Tasal tgħid li sar progress konsiderevoli minn meta kien Prim Ministru Joseph Muscat?

"Uh baħar jaqsam hemm bejn Muscat u Abela - u f'kollox!" wieġbet Farrugia  

Hi qalet illi qed joħroġ ċar illi hemm attentat, li tgħid illi "qed jagħti riżultati", biex l-affarijiet jitranġaw fil-qasam tas-saltna tad-dritt. 
Qalet ukoll iżda illi f'aspetti oħrajn il-bidla għadha mhix qed iseħħ, fosthom fl-ippjanar u l-iżvilupp.  "Il-ħerba għadha għaddejja, forsi ftit inqas, imma għadha għaddejja," sostniet id-Deputat. Hi qalet ukoll li l-kontroll li għad hemm fuq id-Deputati tal-Gvern hemm għadha. 
"Meta wieħed iqis li Abela mill-ewwel sab pandemija u xorta inidirizza kwistjonijiet tas-saltna tad-dritt, naħseb li hemm baħar jaqsam bejnu u Muscat." 

Covid:  Ninża l-kappell lil Fearne u ta' madwaru

Induru fuq il-Covid-19.  Ħafna huma dawk li jemmnu illi l-Gvern mexxa tajjeb f'dak li jitratta Covid-19, speċjalment f'dak li jirrigwarda vaċċinazzjoni, meta kkumparati mal-bqija tad-dinja. Tagħtihom tort lil dawn in-nies li ddeċidew għalhekk li jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista? 

Hija bdiet billi qalet li tinża l-kappell lil Fearne u t-tim tiegħu u li kieku "Abela dejjem sema' minn Fearne u ta' madwaru konna nkunu aħjar illum."  Hija qalet illi l-akbar żbalji ta' Abela kienu ċerti stqarrijiet dwar il-mewġ fil-baħar u meta ħafer il-multi.

"Imma issa Abela jidher li tgħallem mill-iżbalji tiegħu stess u qegħdin dejjem resqin lejn normalità.  Issa dwar il-perċezzjoni tan-nies - jiena ngħid illi l-ewwelnett m'għandniex ninsew il-propoganda l-ħin kollu. It-tieninett il-perċezzjoni ta' kemm mexxa tajjeb il-Gvern tvarja.  Jekk huwa sid ta' ħanut li kellu jagħlaq u forsi ma reġax fetaħ - jaraha mod u xi ħadd li l-paga baqgħet dieħla normali, jaraha mod ieħor," spjegat Farrugia. 

Hija qalet iżda li ma tħossx li ż-żmien li l-pajjiż kien magħluq intuża tajjeb biżżejjed għal titjib infrastrutturali speċjalment tisbiħ u tindif.  U fuq dan l-aħħar punt Farrugia tikkritika s-sitwazzjoni ta' ndafa fil-pajjiż. 

"Hawn ħmieġ kbir. Bħall-antik erġajna ġejna," sostniet mal-ILLUM.  Ipproponiet li nduru dawra mal-pajjiż għal tindif u aktar tisbieħ, "mhux mort Birżebbuġa kien hemm qisu ġnien kien hemm ħmieġ u żibel miftuħ u mort sa San Tumas bdejt nara cookers u fridges." 

'The devil they know'

U ngħalqu bil-PN.  Taħseb li Bernard Grech huwa progress minn Delia? 

Hi tibda billi tgħid li temmen illi Grech huwa Kap "kredibbli" imma ssostni illi biex il-PN jidher bħala alternattiva jeħtieġ il-bidliet neċessarji. 
Imma liema? 

"Per eżempju jkun trasparenti fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit stess, anzi jekk irid ikun sejru għandu jmexxi 'l quddiem il-finanzjament tal-partiti mill-istat, ħalli l-partiti ma jibqgħux jiddependu mill-kuntratturi.  L-emenda tal-kwoti tan-nisa - li hija diskriminazzjoni lampanti kontra nisa li ma joħorġux mal-PN jew mal-PL - il-PN qatt ma messu qabel magħha..."

L-ILLUM tfakkarha li huwa proprju fuq dan li l-PN jiġi kkritikat - in-nuqqas ta' pożizzjonijiet ċari, bħal fil-każ tal-Liġi dwar il-Kannabis, fejn sal-lum il-PN huwa kważi l-unika entità li ma ħarġitx b'opinjoni. 

Farrugia taqbel u tgħid li Bernard Grech għandu bżonn juri l-PN fhiex jemmen. 

"Wisq nibża' li hemm wisq komuni bejn il-PN u l-PL.  Hemm wisq silenzju mill-PN, fuq l-ippjanar per eżempju u fuq l-iżvilupp bla rażan u l-kruhat li qed iseħħu fil-pajjiż.  M'aħniex nisimgħu partit kbir fl-Oppożizzjoni jwiegħed bidliet fil-policies!" 

Għalhekk Marlene Farrugia temmet din l-intervista tgħid li "sakemm in-nies mhux se jaraw id-differenza bejn il-PN u l-PL se jagħżlu 'the devil they know'.

More in Politika