Comodini Cachia tħabbar li mhux se terġa toħroġ għall-elezzjoni u tgħid li 'hemm bosta raġunijiet għalfejn'

Ftit ġimgħat ilu kandidata mara tal-PN - Tiffany Abela Wadge - ukoll irtirat il-kanditatura tagħha minn mal-PN

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

Therese Commodini Cachia mhux se terġa tikkontesta l-elezzjoni, minkejja li l-indikazzjonijiet kienu il-kuntrarju u minkejja li mhux qed tagħti wisq raġunijiet għalfejn, ħlief li tgħid li s-sistema parlamentari partiġġjana m'għadhiex tgħodd għaliha. Din hija t-tieni rtirata ta' kandidata mara fi ftit ġimgħat, hekk kif ftit ġimgħat ilu rtirat il-kandidatura Tiffany Abela Wadge, li qalet illi l-kwistjonijiet relatati man-nisa qed jiġu kompletament injorati mill-partit. Qabel Abela Wadge kienet irtirat mill-kandidatura wkoll Angela Coleiro, li kienet se toħroġ mal-PN għal-ewwel darba. 

Hija qalet li hemm ħafna raġunijiet għalfejn qed tieħu dan il-pass iżda sostniet li tippreferi tħares 'il quddiem milli "toqgħod titkellem fuq dawn ir-raġunijiet."

Comodini Cachia, inqas minn sena ilu, saħansitra tpoġġiet fuq quddiem mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista biex tieħu post Adrian Delia. Wara l-2017 hi kienet se ċċedi postha bħala Deputat-elett biex tibqa' MEP, pass li ġab kritika qawwija lejha bil-konsegwenza li dawwret id-deċiżjoni u baqgħet Deputat. 

Comodini Cachia, inċidentalment bħala Abela Wadge u anke Coleiro, hija meqjusa bħala vuċi aktar liberali fil-PN. 

More in Politika