Konkluża l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne; Il-Bord se jibda jħejji r-rapport

Il-konklużjonijiet tar-rapport se jkunu ppubblikati iżda r-rapport sħiħ se jingħata biss lill-partijiet ikkonċernati

L-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia ġie konkluż wara li nstemgħu x-xhieda kollha u nġabret l-evidenza neċessarja biex issa, il-bord se jkun qed jaħdem fuq ir-rapport.

Il-Bord tal-Inkjesta Pubblika twaqqaf f'Diċembru 2019 wara pressjoni li saret mill-Kunsill tal-Ewropa u mis-Soċjetà Ċivili. Tul dawn l-aħħar xhur, il-Bord sema' għexieren ta' xhieda, mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat sa attivisti.

Dalgħodu, l-avukat Therese Comodini Cachia ppreżentat lill-inkjesta l-aħħar evidenza li l-Bord irid jeżamina, jiġifieri żewġ box files mimlija messaġġi u anke data mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech. Dawn jikkonċernaw persuni li xehdu fl-inkjesta u li kieku jew għadhom fi rwoli pubbliċi.

Il-preżentazzjoni ta' din l-evidenza kienet awtorizzata mill-Maġistrat Rachel Montebello fil-31 ta' Mejju li għadda.

L-eks Imħallef Michael Mallia, li qed imexxi l-Bord, qal li r-rapport mhux se jkun pubbliku iżda se jingħata biss lill-partijiet ikkonċernati. Madanakollu, il-konklużjonijiet tiegħu se jkunu ppubblikati. Il-pubbliku se jkun ukoll notifikat meta din il-fażi tal-inkjesta tkun konkluża.

Apparti Mallia, il-Bord huwa kompost ukoll mill-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u anke l-Imħallef Abigail Lofaro. 

More in Politika