'F'idejn il-votanti biex jiddeċiedu għandix inkompli nagħti sehmi;' Bartolo ħiereġ għall-elezzjoni

Din se tkun it-tmien Elezzjoni Ġenerali li se jikkontesta Bartolo

Minkejja li għal xi żmien kien kważi kważi indika li ma kienx se jerġa' jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, ħabbar li se jkun qed jerġa' jikkontesta.

"Issa nħalli f'idejn il-votanti jekk iridux itellgħuni fil-Parlament biex inkompli nagħti sehmi għall-ġid tal-poplu tagħna," kiteb Bartolo. "Irrid ngħid grazzi lill-eluf ta' votanti li dejjem tellgħuni fil-Parlament fis-seba' Elezzjonijiet Ġenerali li saru mill-1992 'l hawn.

Insista li tul dawn l-aħħar 30 sena ta' ħidma Parlamentari, kemm mill-Oppożizzjoni u anke mill-Kabinett, ta sehmu kif jaf u kif seta'.

"Żgur li ma kienx biżżejjed, żgur inqast, aktar interessat inħares 'il quddiem għal ħafna xogħol li jrid isir għall-ġid tal-poplu tagħna, għall-ħolqien tax-xogħol u tal-ġid wara l-pandemija Covid-19," saħaq il-Ministru.

Irringrazzja lill-familja, lill-Prim Ministru u anke lill-Partit Laburista li ħeġġewh jikkontesta.

"Hemm ħafna xogħol xi jsir u rridu nagħmluh mill-aħjar li nistgħu jekk irridu lill-poplu tagħna jgħix aħjar," saħaq Bartolo.

Mill-2013 'l hawn, Bartolo serva bħala Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u aktar tard bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin. Kien ukoll wieħed minn dawk li ssemma għall-irwol ta' President tar-Repubblika.

Bartolo kien ukoll wieħed mill-aktar membri tal-Gvern li kien, anke jekk b'mod indirett, jikkritika jew jaqsam il-ħsibijiet personali tiegħu fi żmien meta feġġew il-Panama Papers u anke fi żmien il-kriżi politika tal-2019 li waslet għar-riżenja ta' Joseph Muscat minn Prim Ministru.

Il-Ministru Bartolo, normalment jikkontesta fuq l-10 u t-12-il distrett elettorali. Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, fuq l-10 distrett kien kiseb 2,732 mal-ewwel għadd u fit-12-il distrett kiseb 2,444 vot. Fil-każ tal-10 Distrett, Bartolo kien l-aktar kandidat Laburista li kiseb voti, filwaqt li fuq it-12-il Distrett kien it-tieni l-aktar kandidat Laburista li kiseb voti wara Michael Farrugia.

More in Politika