‘Il-PN qed jisfida t-tmexxija oxxena li hemm fil-ħabs’ - Peppi Azzopardi dwar il-proposti tal-PN

Peppi Azzopardi jgħid li l-PN ħareġ bi proposti għall-ħabs mhux għall-voti imma għax ispirat mis-sewwa

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika sett ta’ proposti biex titjieb is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara ħidma mill-cluster tas-sigurtà, wieħed mill-gruppi li waqqaf il-PN biex jiddiskuti u joħroġ bi proposti f’setturi u oqsma varji. 

Id-dokument, bit-tema: ‘Għal Detenzjoni b’Dixxiplina u Dinjità,” jispjega kif apparti t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs, il-proposti jaħsbu għal kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri, ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u s-serħan tal-moħħ li s-sitwazzjoni fil-ħabs tkun aktar ikkontrollata.

Iżda lilhinn mill-Partit Nazzjonalista, x’jaħsbu l-esperti, dawk li jaħdmu direttament mal-priġunieri u dawk li tul is-snin investigaw u tkellmu ma’ residenti jew eks residenti tal-ħabs? Dan huwa t-tieni parti tal-artiklu. Aqra l-ewwel parti hawn.

‘Il-PN ippropona mhux għall-voti imma għax ispirat mis-sewwa’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-ġurnalist Peppi Azzopardi li tkellem kemm-il darba dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs. Kien pożittiv ħafna għal dawn il-proposti.

Insista li l-PN qiegħed jisfida “t-tmexxija oxxena li hemm fil-ħabs bħalissa” u li Beppe Fenech Adami kellu l-kuraġġ li jagħmel proposti “mhux biex il-PN jakkwista l-voti imma  għax ispirtat mis-sewwa.”

Fakkar li fil-prattika, il-PN qed jipproponi li l-priġunieri b’mard serju u persuni anzjani ħafna ma jibqgħux jiskontaw is-sentenza fil-ħabs kif, fi kliemu, qed jiġri bħalissa “b’mod vendikattiv.”

“B’mod konkret il-PN qed jgħid li għandu  jinħoloq post fejn il-prigunier ikun jista jiltaqa’ ma uliedu bogħod mill-ħabs għax mhux sewwa tara tfal ta’ erba’ snin li kull gimgħa jridu jmorru l-ħabs,” insista Azzopardi.

Faħħar ukoll il-proposta biex kull min għandu l-vizzju tad-droga ma jibqax il-ħabs imma jintbagħat f’post fejn ikun jista’ jfieq mill-vizzju. 

‘Priġunier jintbagħat f’pajjiżu jekk ikun irid hu’

“B’mod konkret, il-PN qed jgħid li għandu jkun hemm iżjed djar, bħal dik immexxija mill-Fondazzjoni RISe, li għandha tkun ta’ eżempju kif għandu jitmexxa ħabs, jiġifieri bl-imħabba, tant li minkejja li l-bieb ikun miftuħ għal barra ħadd ma jaħrab,” insista Azzopardi.

Dwar il-proposta biex il-priġunieri barranin jintbagħtu lura pajjiżhom, Azzopardi qal li trid tkun spjegata aħjar. Insista li din għandha ssir biss jekk il-priġunier ikun jixtieq jagħmel hekk u jkun assigurat li dawn il-ħabsijiet “ma jkunux tal-biża’ bħal ta’ Malta jew agħar minn hekk.”

‘Il-proposta tal-Gvern għat-tagging elettroniku hija mnebbħa mill-populiżmu politiku’

Qal ukoll li ma jaqbilx mal-PN dwar il-proposta biex jitkabbar il-ħabs. Fi kliemu, dan huwa sinjal ta’ falliment. “Jekk il-ħabs ikun immexxi bl-imħabba u bir-rispett, il-priġunieri jirrifurmaw, inqas persuni jerġgħu jirritornaw il-ħabs u tonqos il-kriminalità. “Allura jonqsu l-priġunieri u l-ħabs jista’ jiċkien.”

Qabel ukoll mas-sistema tat-tagging elettroniku, iżda insista li din ma għandha qatt issir kif inhi proposta fil-Whitepaper li ppreżenta l-Gvern. “Il-Gvern qed idaħħalha b’nofs kedda, imnebbħa mill-populiżmu politiku.”

Ibbażati fuq ir-reazzjonijiet li rċieva, il-gazzetta ILLUM bagħtet ukoll sett ta’ mistoqsijiet lill-kandidat tal-PN Darren Carabott li huwa wkoll membru tal-clustes li ħareġ b’dawn il-proposti:

Waħda mill-aktar proposti interessanti hija dik dwar ir-ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin. Imma effettivament il-PN fejn se jaqta’ linja? Kif se jassigura li dawn ikomplu jiskontaw is-sentenza u f’ambjent dinjituż? 

Ir-realtà hi li fil-ħabs għandna madwar nofs il-ħabsin mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija. Għalhekk il-proposta tal-PN hi sabiex dawk eliġibbli, jiġu ripatrijati u jiskontaw is-sentenza f’pajjiżhom – dejjem b’rispett lejn id-drittijiet umani u l-liġijiet internazzjonali, u kif ukoll b’kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra. Bħalissa għandna 67 priġunier li jistgħu jiġu meqjusa bħala ċittadini ta’ pajjiżi fejn is-saltna tad-dritt tirrenja. B’hekk inkunu nistgħu ntaffu l-problema tal-iffullar fil-ħabs.

Il-PN jipproponi estensjoni strutturali tal-Faċilità eżistenti. Se nnaqqsu l-priġunieri jew inkabbru l-ħabs? Fejn qed tipproponu li dan iseħħ?

Il-ħabs qed jilqa’ fih aktar minn 800 priġunier, id-doppju ta’ kemm suppost jiflaħ. Din mhijiex sitwazzjoni aċċettabbli. Għalhekk saret konsultazzjoni ma’ nies tekniċi u esperti fis-settur – u qegħdin inpoġġu ‘l quddiem proposta ta’ estensjoni strutturali tal-faċilità attwali f’Kordin billi jiżdiedu 125 ċella oħra b’investiment ta’ madwar €3.25 miljun.

Il-PN jipproponi half-way houses u akkomodazzjonijiet li jkunu maħsuba għall-priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anke għall-integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà. Ma taħsibx li l-integrezzjoni għandha tibda mill-bidu nett u mhux malli persuna tkun waslet biex toħroġ mill-ħabs? 

F’sistema korrettiva wieħed irid jaffaċċja l-konsegwenzi tar-reat li jkun wettaq, però wkoll trid tingħata importanza għar-rijabilitazzjoni tal-persuna. Għalhekk fil-proposti nkludejna riforma fil-parole biex priġunieri li jkollhom imġieba tajba jkunu jistgħu jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza barra mill-ħabs. Ressaqna proposti dwar it-tagging elettroniku, dwar trattament aħjar għall-vizzju tad-droga u kif ukoll biex l-arrest preventiv isir l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Ħarisna lejn l-importanza tal-familja, billi pproponejna child-parent units biex it-tfal ta’ priġunieri jkunu jistgħu jintaqgħu ‘l bogħod mill-istigma tal-ħabs. Dawn kollha huma proposti li jħarsu l-integrazzjoni.

Biżżejjed il-proposti? Il-PN kif se jaħdem biex l-ewwel u qabel kollox ikun hawn bidla fil-kultura u tonqos l-istigma?

Bis-saħħa ta’ dawn il-proposti, il-ħabs reġà tpoġġa fuq l-aġenda nazzjonali. Qegħdin inkunu ta’ leħen għall-priġunieri, għall-familji tagħhom, u anke għall-ħaddiema tal-ħabs. Bħala PN, ħarisna lejn sistemi effettivi li qegħdin jitħaddmu f’pajjiżi oħra, u addattajna dawk l-ideat għaċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna sabiex ikollna sistema aktar riformattiva. Iżda dan hu proċess kontinwu. Nistieden lill-qarrejja biex jekk għandhom aktar ideat ikellmuna.

Id-disa’ proposti tal-Partit Nazzjonalista?

  • Estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin
  • Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji
  • Nipprovdu postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal intergazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà
  • Nipprovdu trattament aktar xieraq lill-vittmi ta-vizzju tad-droga, ‘l bogħod mis-CCF, simili għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas
  • Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom
  • Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l-priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv.
  • Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-Faċilita tas-CCF, anke għall-ġid ta’ dawk l-ulied.
  • Inwettqu riforma tas-sistema tal-parola biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma
  • Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanità u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.

More in Politika