'Proċess sempliċi sar ikkumplikat biex jinħeba t-tixħim'; Tibda l-kumpilazzjoni kontra Adrian Hillman

L-Ispettur Joseph Xerri jisħaq li Keith Schembri u Adrian Hillman kienu sħab fin-negozju u li Hillman irċieva ħafna aktar minn €650,000 mingħand Schembri

Illum waranofsinhar bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Adrian Hillman, l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers li qed ikun akkużat b'diversi reati finanzjarji fosthom b'tixħim u ħasil tal-flus.

Hillmat ġie estradit lejn Malta l-ġimgħa li għaddiet wara li saret talba mill-awtoritajiet Maltin. Hillman kien qed ikun investigat wara l-konklużjoni tal-inkjesta tal-Maġistrat Josette Demicoli, liema inkjesta kienet bdiet wara talba li kien għamel l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Busuttil kien ippreżenta "provi" b'rabta mal-allegat ħasil ta' flus bejn Keith Schembri u Hillman. Dan il-każ idur madwar ix-xiri ta' makkinarju għall-istampar mingħand Kasco u anke €650,000 li għaddew, b'mod suspettuż minn Keith Schembri għal għand Hillman.

Fost oħrajn, illum xehed l-Ispettur Joseph Xerri, mill-iskwadra tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus. Spjega kif skont spreadsheet ta' Keith Schembri, makkinarju tal-istampar kien inxtara mingħand il-kumpanija Malmos LTD ta' Ġibilità, li s-sid tagħha huwa Schembri, imbagħad inxtrat minn Halfort, kumpanija oħra ta' Schembri u kien wara li l-makkinarju ġie importat f'Malta. L-Ispettur saħaq li dan sar biex jinħbew il-commissions.

Kien hawn li l-ispettur insista kif proċess sempliċi sar komplikat apposta biex ikun moħbi t-tixħim. Insista li Matthew Pace mill-MFSP (illum Zenith), ħejja dokument 'backdated,' iffirmat minn Brian Tonna ta' Nexia BT u li fih qal li l-fondi inkwistjoni kienu marbuta ma' konsultazzjonijiet. L-Ispettur ikkonferma li l-inkjesta kkonkludiet li dawn id-dokumenti kienu ffabbrikati.

Ta' min ifakkar li kemm Matthew Pace u anke Brian Tonna huma fost it-12-il persuna li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dan il-każ ta' korruzzjoni u tixħim.

Hillman u Schembri kienu sħab fin-negozju

Apparti minn hekk, l-Ispettur qal ukoll li l-kumpanija ta' Hillman, Network Overseas Ltd, kellha 50% tal-ishma ta' RS Supplied Ltd. Il-50% l-oħra tal-ishma kienu ta' Halfort Ltd, kumpanija ta' Schembri. Dan juri, saħaq l-Ispettur, li Hillman u Schembri kienu sħab fin-negozju.

Il-Qorti kompliet tisma kif fl-2013, il-Progress Press iddeċidiet li tixtri makkinarju ieħor tal-istampar u li għalih kien hemm tliet offerti, fosthom makkinarju HP mingħand Kasco. L-Ispettur qal li Adrian Hillman kien offrut commissions minn fuq dan it-tagħmir. 

Hillman irċieva 'ħafna aktar' minn €650,000

Spjega kif it-tagħmir kien mixtri b'mod dirett imma t-tranżazzjonijiet kienu pproċċessati minn ġurisdizzjonijiet differenti. "Il-konklużjoni tal-esperti kienet li dan huwa ħasil tal-flus," insista l-Ispettur.

Qal ukoll li l-konklużjoni ta' kollox kienet li Brian Tonna u Nexia BT kienu professjonali fil-ħasil tal-flus. Insista li Adrian Hillman irċieva "ħafna aktar minn €650,000 mingħand Keith Schembri.

"L-esperti kkonkludew li Hillman irċieva aktar minn miljun ewro," kompla Xerri.

More in Politika