'Sodisfatti mmens ... hemm għaqdiet oħra volontarji u sportivi li l-Gvern jagħtihom il-binjiet’

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda jilqa’ l-aħbar li l-Gvern qed jikkunsidra li jixtri l-binjiet tal-każini tal-banda li jinsabu b’kirja protetta...

Ritratt tal-marċ tal-festa tal-Madonna ta' Stella Maris
Ritratt tal-marċ tal-festa tal-Madonna ta' Stella Maris

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri, qal mal-gazzetta ILLUM li jinsab sodisfatt bl-aħbar li l-Gvern qed jikkunsidra li jixtri dawk il-każini tal-banda li jinsabu b’kirja protetta, wara li fl-aħħar xhur u snin kien hemm każi fejn każini tal-banda kważi spiċċaw żgumbrati.

Kienet il-gazzetta li żvelat li l-Gvern qed jaħdem fuq mekkaniżmu biex iserraħ ras darba għal dejjem madwar 20 każin tal-banda li l-ILLUM ilha snin issegwi s-sitwazzjoni tagħhom. Fil-fatt, kien hemm diversi drabi fejn il-Gvern kellu joħroġ għonqu, anke b’emendi fil-liġi, biex isalva każin tal-banda milli jispiċċa barra fit-triq.

“Ilna naħdmu għaliha numru ta’ snin. Ilna ninsistu li dawk is-soċjetajiet mużikali li mhumiex sidien tas-sede tagħhom, ikollhom il-protezzjoni,” qal Camilleri waqt li spjega kif tul dawn l-aħħar snin ħadmu ħafna kemm mal-Ministru Owen Bonnici, li kien responsabbli mill-kultura u anke mal-Ministru preżenti José Herrera

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Camilleri kif iwieġeb għall-kritika ta’ bosta li ma jistgħux jifhmu għaliex il-Gvern se jkun lest joħroġ għonqu u jixtri dawn il-każini tal-banda.

Camilleri insista li hemm diversi għaqdiet volontarji u anke sportivi, li jagħmlu xogħol kbir u li l-Gvern jipprovdilhom ukoll il-binjiet. “Hekk hu xieraq,” insista Camilleri.

‘Jekk għaqda mużikali waħda tispiċċa fit-triq inkunu tlifna parti mit-tessut tas-soċjetà’

Madanakollu, l-Għaqda Każini tal-Banda mhux qed tippretendi li l-Gvern jixtri l-każini u jagħtihom b’xejn lill-għaqdiet mużikali. Kif ppropona wkoll id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, huma jaqblu li l-Gvern jixtri l-binjiet mingħand is-sidien u mbagħad jikri l-binja, b’rata sussidjata, lill-għaqdiet mużikali.

Kien hawn li saħaq li jekk imqar għaqda mużikali waħda tispiċċa fit-triq, il-pajjiż ikun tilef parti mit-tessut tas-soċjetà.

Camilleri kompla jispjega kif il-każini tal-banda, wara l-Knisja, kienu l-ewwel soċjetà ċivili f’Malta. Fakkar li l-pożizzjoni tagħhom, ħafna drabi fil-pjazez prinċipali tal-ibliet u l-irħula, tixhed kemm kienu u għadhom importanti fil-ħajja soċjali.

‘Il-każini tal-banda huma skola ta’ ħiliet’

Ħafna jassoċjaw il-każini tal-banda mat-tagħlim tal-mużika biss, sehem li jagħtuh b’xejn lis-soċjetà, iżda l-każini huma ħafna aktar minn hekk. Camilleri saħaq li l-każini tal-banda huma wkoll skola tal-arti, biżżejjed tħares lejn l-armar li jżejjen it-toroq fil-ġranet tal-festi u anke skola ta’ ħiliet. 

“Kull min hu involut f’każin se jitgħallem ħiliet marbuta mat-tmexxija, mal-PR, il-midja u ħiliet u valuri oħra li huma importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum,” saħaq Camilleri. “Il-każini rridu nħarsu lejhom bħala parti mill-identità tagħna. Huma essenzjali għall-festi, il-piroteknika u festi u attivitajiet oħra li l-Maltin huma popolari għalihom bħalma huna l-Ġimgħa l-Kbira, l-Għid u oħrajn.”

Fid-dawl ta’ dan, Camilleri fakkar ukoll kemm il-każini tal-banda addattaw il-ħidma tagħhom anke biex ikunu aktar konformi ma’ liġijiet bil-għan li tiżdied it-trasparenza, aktar fejn jidħol il-finanzjament. Kien hawn li appella li għandu jkun hemm skemi wkoll ta’ għajnuna għalihom bil-għan li l-membri jkunu jistgħu jitħarrġu aktar u biex il-każini jaddattaw l-operat tagħhom.

Tkellimna wkoll dwar il-fatt li l-każini tal-banda issa ilhom minn Ottubru magħluqa u qed jistennew bil-ħerqa li jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom fis-7 ta’ Ġunju.

‘Id-dħul waqaf imma l-ispejjeż baqgħu hemm’

Camilleri fakkar kif bħal ħafna għaqdiet, id-dħul tagħhom waqaf kompletament iżda l-ispejjeż baqgħu hemm, bħalma huma l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u spejjeż oħra, fosthom għax kellhom jinvestu f’sistemi biex iżommu kuntatt virtwali mal-membri u anke l-istudenti tal-mużika.

Apparti minn hekk, Camilleri insista li anke fil-każ tal-każini li huma mikrijia, l-għaqdiet mużikali baqgħu jaħdmu biex ikomplu kontinwament bil-manutenzjoni meħtieġa li jkollhom bżonn dawn il-binjiet. 

“Dan ukoll huwa xogħol li qed jagħmluh il-każini tal-banda biex jibżgħu għal dawn il-proprjetajiet importanti,” insista Camilleri.

Temm jirringrazja lill-Gvern għall-għajnuna li offra matul din l-aħħar sena biex almenu “itaffi” ftit mill-piż li waqa’ fuq il-każini tal-banda. 

More in Politika