90 tifel u tifla qed jistennew biex ikunu adottati; €1,000 għal dawk li jaddottaw lokalment

Apparti minn hekk 84 koppja u seba' persuni single bbenefikaw mill-għotja tal-€10,000 għall-persuni li jadottaw minn barra l-pajjiż

Daħlet fis-seħħ miżura oħra li kienet tħabbret fil-Baġit li se tkun qed tgħin finanzjarjament persuni jew koppji li jadottaw tfal minn Malta. Fil-fatt, dawn il-persuni se jkunu qed jibbenefikaw minn għotja ta’ €1,000, li jkopru spejjeż marbuta ma’ dokumentazzjoni legali u spejjeż oħra.

Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja Gvern għan-Nies, it-Tnejn filgħodu fil-Għarghur. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li issa twettqu 90% tal-miżuri tal-baġit għas-sena 2021, filwaqt li nqabżu id-90% tal-miżuri li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-manifest elettorali.

Spjega kif din il-miżura mħabbra dwar l-adozzjonijiet tolqot potenzjalment madwar 90 tifel u tifla li jistgħu jiġu adotatti lokalment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti spjega kif il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u l-Kura Alternattiva, li għaddiet mit-tieni stadju, inkludiet ukoll emendi addizzjonali biex tkun irfinata iktar.

Alfred Grixti tkellem ukoll dwar l-għotja tal-€10,000 għall-persuni li jadottaw minn barra l-pajjiż. Sa issa kienu 84 koppja u seba' persuni single li bbenefikaw.

Bejniethom huma adottaw 115 tifel u tifla u bbenefikaw minn madwar miljun ewro.

More in Politika