Mill-14 ta' Ġunju residenti fid-Djar tal-Anzjani jistgħu jerġgħu jibdew imorru għand qrabathom

Jitħabbar ir-raba' rilaxx ta' miżuri fid-Djar tal-Anzjani mill-Ministru Michael Farrugia

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar ir-raba’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani, maqsum f’fażijiet differenti li se jwasslu biex mill-14 ta’ Ġunju, residenti fid-djar tal-anzjani jkunu jistgħu jmorru għand qrabathom taħt ċerti kundizzjonijiet.

Għal darb’oħra, il-Ministru Michael Farrugia enfasizza biex iktar persuni, b’mod speċjali l-qraba tar-residenti, jitlaqqmu. “Dan sabiex inkunu nistgħu nersqu aktar lejn in-normalità,” żied jgħid.

Dan huwa l-pjan tar-Rilaxx:

Mill-4 ta’ Ġunju

  1. Żjarat fi djar tal-anzjani se jsiru bejn l-10:30 a.m. u l-11:30 a.m. u bejn il-5:00 p.m. u s-6:30 p.m.
  2. Kull resident jista’ jżuru viżitatur wieħed kull darba.
  3. It-tul ta’ kull żjara se jkun ta’ 25 minuta.
  4. Huma biss il-viżitaturi li tlaqqmu kompletament li jistgħu jidħlu fil-kmamar tar-residenti.
  5. Tinżamm distanza soċjali u tintlibes il-maskra.
  6. Min mhux imlaqqam jibqa’ jiltaqa’ fiż-żona komuni kif sar sa issa.
  7. Iż-żjarat kollha f’San Vinċenz de Paul jibqgħu jsiru bis-sistema ta’ appuntament.

 Residenti li jattendu appuntamenti outpatient

Residenti mlaqqmin u li għandhom bżonn jattendu għal appuntament ta’ outpatient fl-isptar, jiġu ssorveljati għal xi sintomi possibbli relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom fid-dar. Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu ħamest ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.

Residenti li jirritornaw f’dar tal-anzjani mill-isptar

  1. Residenti mlaqqmin isirilhom PCR swab test mar-ritorn tagħhom fid-dar.
  2. Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.

Residenti ġodda fi djar għall-anzjani

  1.  Residenti ġodda li jiddaħħlu fid-djar tal-anzjani mill-komunità u jkunu mlaqqmin, isirilhom PCR swab test.
  2. Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 14-il jum kwarantina u jiġu mlaqqmin.

Mit-8 ta’ Ġunju:

 Iċ-ċentri ta’ matul il-jum se jibdew jilqgħu 8 anzjani u 3 membri tal-istaff.

Mill-14 ta’ Ġunju:

  1.  Residenti minn djar tal-anzjani li huma mlaqqmin jitħallew joħorġu ma’ qraba li jkunu mlaqqmin u jiġu ssorveljati għal xi sintomi relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom.
  2. Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.

Attendenza għal appuntamenti mediċi - Ir-residenti jistgħu jattendu appuntamenti mediċi barra mid-dar tal-anzjani akkumpanjati minn qraba li jkunu mlaqqmin.

Il-Ministru Farrugia waqt il-Konferenza
Il-Ministru Farrugia waqt il-Konferenza

 

More in Politika