Tisbiħ u tħaddir f'Ħal Qormi fi ġnien li se jissemma għal Renald Falzon

Il-Kunsill Lokali qed jipproponi li jiddedika dan il-ġnien għal-Renald Falzon, li serva bħala Sindku ta’ Ħal Qormi sal-2020 u li sfortunatament tilef ħajtu għall-Covid-19

Il-komunità ta’ Ħal Qormi se tgawdi minn proġett aħdar ġdid bl-appoġġ ta’ Ambjent Malta. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, li spjega li l-proġett, li qed isir mill-Kunsill Lokali bħala parti mill-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna’, immexxija mill-Ministeru, se jirriżulta f’diversi interventi fi ġnien fil-Housing Estate Ta’ Farsina.

Il-Ministeru se jkun qed jinvesti kważi €200,000 għal diversi interventi, kif ukoll jipprovdi għajnuna teknika fir-rigward tat-tħaddir taż-żona. 

Il-Kunsill Lokali qed jipproponi li jiddedika dan il-ġnien għas-Sur Renald Falzon, li serva bħala Sindku ta’ Ħal Qormi sal-2020. 

Il-Ministru Farrugia spjega li f’dan il-ġnien se jitħawlu diversi siġar u arbuxxelli, u fost id-diversi inizjattivi li għandhom jittieħdu jinkludu wkoll tisbiħ tas-sit, xogħlijiet ta’ tħaffir, xogħlijiet u tisħiħ tal-konkrit, xogħlijiet fuq mogħdijiet, pavimentar u xogħlijiet fit-toroq, installazzjoni ta’ elementi tal-ilma, tagħmir tad-dawl, landscaping u għamara tat-triq.

Il-Ministru qal li żoni bħal toroq, pjazez u spazji pubbliċi oħra li huma nieqsa mill-ħdura u l-benefiċċji fiżiċi u psikoloġiċi assoċjati, ġew magħżula mill-kunsilli lokali stess. L-ispeċi tal-pjanti li se jitħawlu huma adattati għal dawn is-siti, abbażi tal-kundizzjonijiet ambjentali tagħhom, u introdotti skont il-linji gwida tal-landscaping tal-ERA u jistgħu jikkonsistu fi speċi indiġeni jew inkella speċi barranin li huma adattati għall-klima xotta tagħna.

Is-siġar u l-arbuxxelli li se jitħawlu jinkludu Cercis siliquastrumPrunus dulcisOlea europeaMedicago arboreaRosmarinus officinalisViburnium tinus u Myrtus officinalis. Huwa mbassar li dan il-proġett se jitlesta fi żmien tmien ġimgħat.

More in Politika