'Qed inġebbdu wisq il-kunċett ta' attività tal-massa ... mhux nippretendu attivitajiet ta' eluf'

Howard Keith Debono u anke Joven Grech (Tenishia) jisħqu li s-settur tad-divertiment għandu jingħata pjan gradwali ta' kif u meta jista' jerġa' jibda jopera filwaqt li jappellaw għal aktar kontrolli fuq il-fruntieri 

Howard Keith Debono
Howard Keith Debono

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono insista li l-artisti u dawk kollha involuti fl-industrija mhux jippretendu li jiġu organizzati attivitajiet ta' eluf, għax fi kliemu x'aktarx li dawn mhux se jkunu possibbli sal-aħħar tas-sena.

Madanakollu, meta kien qed jieħu sehem f'diskussjoni waqt il-programm XTRA, insista li l-kunċett ta' attività tal-massa qed jiġġebbed wisq u mhux sew li kulħadd jintefa' f'keffa waħda.

Insista li hemm differenza bejn ġemgħa li tiltaqa' xi mkien mingħajr l-ebda kontroll jew inkella ġemgħa li tiltaqa' f'post ikkontrollat.

Fil-fatt, mid-diskussjoni jidher li ma hemmx qbil bejn l-artisti, il-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa dwar dak li huwa meqjus bħala attività tal-massa. Għal Debono, attività kkontrollata li għaliha jattendu inqas minn elf ruħ hija "realistika."

Aqra wkoll: Il-Kabinett japprova l-użu ta' ċertifikat tal-vaċċin biex jinfetħu xi 'attivitajiet limitati'

Debono insista wkoll li bħalma l-vaċċin huwa kura, l-arti u anke d-divertiment huwa wkoll importanti għall-benessri mhux biss tal-artisti iżda anke tal-pubbliku inġenerali.

"Aħna mhux nitkellmu fuq finanzi biss," insista Debono. "Artist qed jitlef l-identità tiegħu. Wara ġimgħa xogħol u ma jkollok l-ebda żvog, se tbiddel ukoll il-personalità tiegħek."

Minkejja dan saħaq li s-settur mhux jara kbir u huwa responsabbli, tant li għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna, l-ewwel attivitajiet ġew ikkanċellati mill-organizzaturi infushom u mhux b'ordni tal-Gvern.

'Qegħdin l-ewwel ... ejja nisfruttaw dan b'mod kawt'

Kien hawn li Howard Keith Debono insista li qed jagħmlu dawn l-argumenti, għax jemmnu fil-vaċċin u għax huwa ċar li jaħdem.

Filwaqt li fakkar li Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li laħqet l-immunità tal-massa, appella biex il-pajjiż "jisfrutta" dan b'mod kawt.

'Irridu kawtela ... imma tajjeb li jkun hemm pjan'

Kemm Howard Keith Debono u anke Joven Grech, magħruf bħala Tenishia (li wkoll ħa sehemm fid-diskussjoni), filwaqt li tennew l-appell għall-kawtela, insistew ukoll li għandu jkun hemm pjan, għax dan jagħti ftit tan-nifs lill-artisti.

"Ma nistgħux nieqfu biss mal-kieku. Ejjew ma nkunux negattivi. mhux ovvja li jekk jiżdiedu se nerġgħu nagħlqu. Imma ejja naqblu, fiċ-ċirkostanzi ta' issa, x'jista' jsir u meta," insista Debono.

L-istess argument għamlu wkoll Joven Grech. "Aħna qed nitolbu li jkun hemm pjan ta' ftuħ gradwali." insista.

It-tnejn li huma appellaw ukoll biex ikun hemm aktar kontrolli mal-fruntieri, xi ħaġa li jidher li se tidħol fis-seħħ min-nhar it-Tlieta, kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM u reġa' kkonferma llum il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Howard Keith Debono saħaq li fiż-żmien tal-pandemija siefer sitt darbiet u dejjem intalab test għall-Covid-19 qabel ma' qabad l-ajruplan lejn pajjiżi oħra. Insista li biex niżel lura Malta, qatt ma ntalab xejn.

'It-turiżmu u l-attivitajiet tal-massa f'salt jżidu r-riskju' - Martin Balzan

Tul il-programm tkellem ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan li insista li t-tobba huma tal-fehma li l-attivitajiet tal-massa jkunu l-aħħar li jiftħu u li l-Gvern għandu jibqa' jgħin lill-artisti u lill-operaturi.

Fakkar li t-tir ta' Malta huwa li tattira lit-turisti għax dan huwa importanti, iżda peress li Malta hija pajjiż żgħir, ir-riskju jiżdied.

Kien hawn li saħaq li t-turiżmu u l-attivitajiet tal-massa f'salt se jżidu r-riskju. "Attivitajiet tal-massa sal-aħħar ta' Ġunju żgur li mhux possibbli," saħaq Balzan.

'Nibżgħu mhux biss għall-għajxien imma anke għall-ħajjiet' - Il-Ministru Herrera

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Arti, José Herrera insista li t-tħassib tal-Ministeru għall-artisti huwa reali u insista li ma tgħaddix laqgħa tal-Kabinett li ma jkunx diskuss is-settur tad-divertiment.

Insista kemm-il darba li l-Gvern qed ikun kawt għax tgħallem mill-pandemija, għamel avvanzi kbar fil-kontoll u apparti l-għajxien, irid jieħu ħsieb ukoll il-ħajjiet.

Madanakollu rrikonoxxa li hu jemmen li l-vaċċin "huwa ċ-ċavetta" biex ftit ftit anke dan is-settur jibda jerġa' jiftaħ, anke jekk naqas milli jagħti indikazzjoni meta jistgħu jibdew isiru attivitajiet limitati.

Mal-Ministru u l-appell għall-kawtela, qabel ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni Karl Gouder li appella wkoll għal aktar kontrolli fuq il-fruntieri u biex almenu l-artisti jingħataw pjan gradwali ta' kif, ftit ftit, is-settur ikun jista' jerġa' jibda jiftaħ.

More in Politika