Minn Lulju Malta se tagħti l-vaċċin lil dawk li għandhom bejn 12 u 15-il sena

L-adoloxxenti se jkunu qed jirċievu invit id-dar bl-appuntament għall-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin 

L-adoloxxenti Maltin, li għandhom bejn 12 u 15-il sena, se jkunu qed jibdew jirċievu t-tilqima minn Lulju li ġej.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm XTRA li se jkun qed jixxandar illejla. 

Il-Ministru spjega kif fil-ġranet li ġejjin, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina (EMA) mistennija tapprova l-użu ta' wieħed mill-vaċċin għall-adoloxxenti wkoll.

Fil-fatt jidher li għada l-EMA se tkun qed tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha biex il-vaċċin ta' Pfizer jibda jintuża anke għal dawk li għandhom aktar minn 12-il sena, l-istess kif qed isir fl-Istati Uniti. 

Il-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jamministra t-tilqima lill-adoloxxenti bejn l-aħħar ta' Ġunju u l-bidu ta' Lulju, jiġifieri wara li jkunu spiċċaw l-eżamijiet.

Dawn mhux se jkunu mitluba jirreġistraw, peress li jkollhom bżonn l-approvazzjoni tal-ġenituri.

Minflok, kif ġara fil-każ tal-anzjani, se jkunu qed jirċievu invit id-dar, bl-appuntament għall-ewwel u t-tieni doża.

Saħaq li l-istudju juru li l-vaċċin ta' Pfizer u anke ta' Moderna huma effettivi ħafna fost it-tfal. 

Il-programm XTRA, mmexxi minn Saviour Balzan, jixxandar illejla fit-20:50am fuq TVM. 

More in Politika