Tellieqa bejn il-pajjiżi biex jattiraw it-turisti; Min kawt u min jipprova jkun pass qabel ħaddieħor

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra biex jattiraw lit-turisti hekk kif is-sajf huwa wara l-bieb

 

Hekk kif is-sajf jinsab wara l-bieb, diversi pajjiżi qed jaħdmu u jirsistu biex jibdew jilqgħu mill-ġdid lit-turisti u jagħtu mill-ġdid spinta lil dan is-settur li għal ħafna huwa essenzjali.

Hemm pajjiżi li huma miftuħa u naqqsu sew ir-restrizzjonijiet, oħrajn huma aktar kawti u hemm pajjiżi li qed jaħdmu biex ikunu pass qabel ħaddieħor, inkluż bl-introduzzjoni ta’ tip ta’ ċertifikat tal-vaċċin nazzjonali, qabel ikun konkluż dak li qed tinnegozja l-Kummissjoni Ewropea.

Pajjiżi oħra qed iħarsu jew saħansitra bdejn jużaw ‘SafePass’ jew ‘Health Pass’ biex jintuża b’mod domestiku, kemm miċ-ċittadini u anke mit-turisti.

Il-gazzetta ILLUM dahret dawra mad-destinazzjonijiet l-aktar popolari mal-Maltin u analizzat dak li qed jagħmlu biex ikunu attraenti f’għajnejn it-turisti:

Il-Greċja fetħet it-turiżmu fl-14 ta’ Mejju ... test jew vaċċin u tista’ sserraħ rasek

Bħal Malta, it-turiżmu għall-Greċja (destinazzjoni li qed issir dejjem aktar popolari mal-Maltin), huwa importanti mmens għall-ekonomija tal-pajjiż. 

Kif ġara fil-kumplament tad-dinja, it-turiżmu ħa daqqa tajba minħabba l-pandemija u issa l-pajjiż qed jaħdem biex jerġa’ jagħti r-ruħ lil dan is-settur, bil-Ministru għat-Turiżmu Harry Theocharis jisħaq li l-ewwel indikazzjonijiet huma pożittivi. 

Il-pjan tal-Greċja jinkludi wkoll ċertu rekwiżiti biex iżomm l-imxija tal-Covid-19 taħt kontroll. Kull persuna li tmur il-Greċja qed tintalab timla ‘Passenger Locator Form,’ ġurnata qabel tasal. Ġej minn fejn ġej, kull vjaġġatur irid jipprovdi jew test negattiv tal-Covid-19 li jkun ittieħed 72 siegħa qabel il-wasla, jew inkella ċertifikat li juri li hu mlaqqam kompletament.  

L-istess rekwiżiti huma neċessarji meta persuna tivjaġġa mill-Ġreċja għall-gżejjer tagħha.

Apparti minn hekk, il-Greċja qed tippjana wkoll li toffri t-tilqima minnufih lill-ħaddiema kollha fis-settur turistiku u anke lir-residenti li jgħixu fuq gżejjer jew inkella f’postijiet magħrufa mat-turisti.

Dan apparti kampanja qawwija ta’ reklamar bit-tema tkun: “All you want is Greece.” 

Ħafna mir-restrizzjonijiet li l-Greċja daħlet fis-seħħ, tneħħew fl-14 ta’ Mejju u dan wara sitt xhur ta’ restrizzjonijiet u lockdown strett immens. Fost dawn, biex persuna titlaq mid-dar tagħha, kellha tibgħat SMS. Din il-miżura tneħħiet u anke tneħħiet ir-restrizzjoni fuq l-ivjaġġar bejn ir-reġjuni. Ir-ristoranti u l-bars huma wkoll miftuħa, anke jekk għalissa qed iservu lin-nies fuq barra.

Fil-fatt, l-14 ta’ Mejju kienet meqjusa bħala l-ġurnata li fiha l-Greċja se terġa’ tiftaħ it-turiżmu, l-istess kif Malta qed tħares lejn il-ġurnata tal-1 ta’ Ġunju. 

Anke jekk ir-restrizzjonijiet ivarjaw minn post għall-ieħor, għadu fis-seħħ curfew bejn in-nofsiegħa u l-ħamsa ta’ filgħodu. Il-maskri għadhom obbligatorji kullimkien fil-pubbliku, ħlief fir-ristoranti, fil-kafetteriji u fil-bars. Fit-taxis jista’ jkun hemm sa tliet persuni, inkluż ix-xufier.

Il-griza ta’ Mykonos jidher li hija l-aktar popolari bħalissa. Il-bookings jidher li jammontaw għal 54.9% meta wieħed iqabbilhom mal-istess perjodi iżda qabel faqqgħet il-pandemija.

Jidher li dan kollu qed iħalli l-frottu l-Greċja mistennija tkun fost l-aktar destinazzjonijiet popolari matul dan is-sajf.  

Ċipru tiftaħ il-bibien beraħ għat-turisti mlaqqma kontra l-Covid-19

Ċipru wkoll jidher li se tkun destinazzjoni popolari mat-turisti. Fil-fatt mill-10 ta’ Mejju, Ċipru bdiet tilqa’ turisti minn 65 pajjiż. 

It-turisti jridu jew jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin li juri li huma mlaqqma kompletament, jew inkella jipprovdu test negattiv għall-Covid-19 li jkun sar 27 siegħa qabel il-wasla. Jekk turist jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin, mhux qed jintalab jagħmel test.

Apparti minn hekk, it-turisti kollha jridu jimlew formola onlajn qabel il-wasla.

Mill-10 ta’ Mejju, Ċipru neħħiet ħafna mir-restrizzjonijet hekk kif fil-ħmistax ta’ qabel kienet f’lockdown. Ir-ristoranti u l-ħwienet reġgħu fetħu l-bibien tagħhom.

Biex persuna tidħol f’dawn l-istabbilimenti, inkluż fir-ristoranti, trid tippreżenta dak li qed jissejjaħ ‘SafePass’ li jista’ jinkludi tliet dokumenti: ċertifikat tal-vaċċin, prova jekk persuna tkun fieqet mill-virus fl-aħħar sitt xhur u/jew test negattiv tal-Covid-19.

Dan is-SafePass qiegħed jintuża b’mod temporanju sakemm ikun introdott iċ-ċertifikat tal-vaċċin Ewropew, li se jkun qed jintuża miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. 

Għalissa, f’Ċipru għad hemm curfew bejn il-11:00pm u l-5:00am, iżda mistenni jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Il-maskra trid tintlibes fis-supermarkets, fil-ħwienet, fil-knejjes, fl-isptarijiet u fil-lifts, fost oħrajn.

Fl-aħħar jiem, Ċipru neħħiet lil Malta mil-lista l-ħamra għal-lista amber għall-ivjaġġar. Dan ifisser li turist minn Malta li jkun imlaqqam kompletament kontra l-Covid-19 jista’ jidħol fil-pajjiż mingħajr problemi. Jekk ma jkunx imlaqqam, turist irid jippreżenta test negattiv kontra l-Covid-19 li jkun sar mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-tluq.

Spanja lesta biex tibda tuża ċ-ċertifikat tal-vaċċin minn Ġunju

Sal-bidu ta’ Ġunju, Spanja se tkun lesta li tuża ċ-ċertifikati tal-Covid-19 bil-għan li tiftaħ mill-ġdid il-bibien tagħha għat-turiżmu, bil-Ministru għat-Turiżmu Reyes Maroto ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropa biex taddotta din il-miżura malajr kemm jista’ jkun.

Il-Kummissjoni Ewropea għadha qed taħdem fuq dan iċ-ċertifikat bid-dettalji huma mistennija li jingħataw fil-ġranet li ġejjin, hekk kif diversi pajjiżi, inkluż Malta, qed jittamaw li jagħtu spinta lit-turiżmu minn Ġunju. 

Ftit tal-jiem ilu, Spanja neħħiet ukoll l-Istat ta’ Emerġenza li kienet ilha fih minn Ottubru, bil-għan li l-Gvern ċentrali u anke dawk reġjonali ikollhom aktar aktar kontroll fil-ġlieda kontra l-pandemija. Fil-fatt, għall-ewwel darba f’xhur, l-Ispanjoli setgħu jivjaġġaw bejn ir-reġjuni u tneħħa wkoll il-curfew. 

Dan wassal għal ċelebrazzjonijiet kbar, b’nies jinżlu jiżfnu fit-toroq u jiċċelebraw fuq il-bajjiet. Tant u hekk, li kien hemm ċirkostanzi fejn saħansitra kellhom jissejħu l-Pulizija biex jikkontrollaw il-folol.

Fi Spanja diffiċli tagħti spjegazzjoni tar-restrizzjonijiet li jeżistu hekk kif dawn ivarjaw minn stat għal stat. Madanakollu, il-maskra trid tintlibes dejjem meta persuna tkun f’postijiet pubbliċi.

Intant, dawk kollha li jidħlu fi Spanja qed jintalbu jimlew Healh Control Form (HCF), liema formola tista’ timtela’ onlajn. Wara li vjaġġatur jimla’ l-formola, se jingħata QR code li jkun irid jippreżentah malli jasal fil-pajjiż.

Fil-każ tat-turiżmu minn Malta, pereżentament Spanja qed titlob lill-Maltin jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19 li jkun sar sa 72 siegħa qabel it-tluq. Rapid test mhux qed ikun aċċettat.  

Franza tnaqqas gradwalment ir-restrizzjonijiet biex tattira t-turisti

Fl-aħħar ġimgħat Franza kellha ddaħħal fis-seħħ restrizzjonijiet stretti mmens minħabba żieda sostanzjali fil-każi tal-Covid-19 iżda issa wkoll qed tippjana li terġa’ tibda tilqa’ lit-turisti hekk kif ftit ftit qed jonqsu r-restrizzjonijiet.

Bħalissa, ċittadini minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fost oħrajn, jistgħu jmorru Franza sakemm jippreżentaw test negattiv kontra l-Covid-19 li jkun sar 72 siegħa qabel it-tluq, kif ukoll dikjarazzjoni li fiha jiddikjaraw li ma għandhom l-ebda sintomi.

Bħalissa, ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, mhux qed jitħallew jidħlu fil-pajjiż sakemm mhux minħabba raġunijiet familjari jew professjonali.

Madanakollu mid-9 ta’ Ġunju, anke dawn ir-restrizzjonijiet se jibdew jonqsu, bil-pjan huwa li ċittadini minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jidħlu fi Franza sakemm ikollhom f’idhom “Health Pass.” Dwar dan, sa issa, ingħataw ftit dettalji imma x’aktarx li se jkun jinkludi ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv kontra l-Covid-19. 

Anke jekk Franza qed tittama li tilqa’ t-turisti, is-sitwazzjoni tal-pandemija għadha waħda kritika. Il-każi naqqsu, iżda għad hemm pressjoni fuq l-isptarijiet, tant li għaddejja ħidma biex jitħaffef kemm jista’ jkun il-proċess tat-tilqim.

Fit-3 ta’ April li għadda Franza daħlet f’lockdown minħabba ż-żieda fil-każi, iżda fl-aħħar jiem, il-President Emmanuel Macron ħabbar il-pjan ta’ kif se jkunu qed jonqsu r-restrizzjonijiet, anke jekk b’mod kawt ħafna.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar domestiku. Minn din il-ġimgħa wkoll tqassar il-curfew li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar. Issa, kulħadd irid ikun ġewwa bejn id-9pm u s-6am. Mid-9 ta’ Ġunju, il-curfew se jkun fis-seħħ bejn il-11pm u s-6am u mistenni jitneħħa għal kollox mit-30 ta’ Ġunju. 

Mill-Erbgħa li għadda, fetħu wkoll ir-ristoranti u l-kafetteriji, iżda jistgħu jservu biss lin-nies fuq barra. Massimu ta’ sitt persuni jistgħu jpoġġu madwar mejda. Jistgħu jibdew iservu fuq ġewwa mid-9 ta’ Ġunju. Fetħu wkoll il-ħwienet mhux essenzjali. 

Intant, l-areni, it-teatri, il-mużewijiet u swali oħra jistgħu jilqgħu mill-ġdid lill-udjenzi. Kulħadd irid joqgħod bilqiegħda b’massimu ta’ 800 persuna fuq ġewwa u 1,000 persuna fuq barra. 

It-tir huwa li sal-aħħar ta’ Ġunju il-“Health Pass” jibda jintuża għal dawk il-persuni li jkunu jridu jattendu fl-istadiums u attivitajiet kbar. Dan se jkun japplika wkoll għat-turisti. Madanakollu, id-dettalji dwaru għadhom mhumiex ċari.

Fi Franza, il-maskri huma obbligatorju fuq it-trasport pubbliku u fi spazji pubbliċi magħluqa. 

L-Italja tneħħi l-obbligu tal-kwarantina; Qed tħares lejn l-introduzzjoni ta’ ‘green pass’ nazzjonali 

L-Italja, destinazzjoni popolari ħafna mal-Maltin għada fi Stat ta’ Emerġenza u ftit ftit qed toħroġ minn lockdown ta’ xaharejn li daħal fis-seħħ hekk kif il-pajjiż kien qed jissielet kontra t-tielet mewġa.

Fit-30 ta’ Marzu li għadda, l-Italja daħlet fis-seħħ kwarantina obbligatorja għal kull turist li jasal minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, bil-miżura tkun estiża għal kważi l-pajjiżi kollha mis-7 ta’ April. 

Madanakollu, din il-miżura tneħħiet fis-17 ta’ Mejju għat-turisti minn pajjiżi membri tal-UE (inkluż Malta), ir-Renju Unit u l-Iżrael, sakemm dawn jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19 (li jkun sar sa 72 siegħa qabel il-wasla) u anke jimlew dikjarazzjoni. 

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi ħabbar il-pjan għall-Italja biex tintroduċi “grenn pass” nazzjonali, qabel jidħol iċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropa. 

Draghi qal li dan se jkun qed jikkwalifika wkoll għat-turisti u jkun jinkludi informazzjoni dwar it-tilqim, jekk persuna qattx kellha u fieqet mill-virus jew inkella jekk tkunx għamlet test kontra l-Covid-19 li jkun irriżulta negattiv.

Preżentament, fl-Italja hemm curfew bejn l-10pm u l-5am. L-Italja għandha sistema ta’ erba’ livelli biex tikklassifika r-reġjuni skont ir-rata tat-trasmissjoni tal-virus. Aktar ma jkun hemm trasmissjoni, aktar jiżdiedu r-restrizzjonijiet.

Ir-reġjuni kollha, għajr il-Valle d’Aosta, jinsabu fil-livell ‘isfar.’ F’dan il-livell, il-bars u r-ristoranti jistgħu jibqgħu miftuħa, iżda jservu biss lin-nies barra. Jistgħu jibdew jaċċettaw klijenti fuq ġewwa mill-1 ta’ Ġunju. 

Il-mużewijiet huma miftuħa iżda fil-weekends u l-festi, il-biljetti jridu jinqatgħu minn qabek. It-teatri, is-swali tal-kunċerti u ċ-ċinema huma miftuħa, iżda jistgħu jdaħħlu biss sa 50% tal-massimu, bid-distanza soċjali tibqa’ dejjem fis-seħħ. 

Ir-Renju Unit kawt immens fejn jidħol is-safar

Wara ġimgħat, mis-17 ta’ Mejju, ir-Renju Unit ukoll fetaħ il-bibien tiegħu għat-turiżmu, anke jekk sa issa ħalla lil Malta barra mil-lista l-ħadra, jiġifieri mil-lista ta’ pajjiżi meqjusa sigura għas-safar minn u lejn il-pajjiż.

Fil-fatt, ir-Renju Unit, sa issa, għandu lista ta’ 12-il pajjiż jew territorji, meqjusa sigura għas-safar. Dan ifisser li ma hemm l-ebda kwarantina imposta għal min jidħol fir-Renju Unit minn dawn il-pajjiżi. 

Uħud mill-pajjiżi mniżżla f’din il-lista, inkluż l-Awstralja u n-New Zealand għandhom restrizzjonijiet stretti mmens fuq l-ivjaġġar u għalhekk dan ma jfissirx awtomatikament li se jkun hemm it-turiżmu bejniethom.

Fil-każ ta’ turisti minn Malta, kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, kull turist irid jibqa’ għaxart ijiem fi kwarantina, jippreżenta test negattiv tal-Covid-19 qabel jaqbad it-titjira lejn ir-Renju Unit (mhux wara) u anke jagħmel test ieħor fit-tieni u t-tmien ġurnata tal-kwarantina. 

Fil-lista ħadra jew le, it-test negattiv kontra l-Covid-19 huwa dejjem obbligatorju.

Fil-każ tal-Ingilterra, l-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin, ir-restrizzjonijiet qed jonqsu ftit ftit wara t-tielet lockdown li daħal fis-seħħ minħabba żieda qawwija fil-każi kawża tal-varjant tar-Renju Unit. Bħalissa wkoll hemm tħassib minħabba t-tixrid tal-varjant Indjan.

Preżentament il-ħwienet huma miftuħa. Anke r-ristoranti, il-bars u l-pubs huma miftuħa u jistgħu jservu kemm fuq barra u anke fuq ġewwa. 

Il-lukandi, il-hostela u l-B&Bs huma miftuħa. 

Aktar restrizzjonijiet mistennija jitneħħew f’Ġunju. Il-Gvern Ingliż qed iħares lejn il-21 ta’ Ġunju bħala l-ġurnata meta fl-Ingilterra tirritorna l-ħajja kważi normali, fejn saħansitra hemm ċans li jinfetħu n-nightclubs u jkunu jistgħu jibdew jerġgħu jsiru attivitajiet fuq skala akbar.

More in Politika