Grech iwiegħed li jekk isir Prim Ministru jħallas lura €50 miljun 'misruqa' minn kontijiet tad-dawl u l-ilma

Dan fid-dawl ta' rapporti illi l-Awditur sab madwar €6.5 miljun flus żejda li ħallsu in-nies f'kontijiet tad-dawl u l-ilma, li għal tmien snin jiġu madwar €50 miljun

"Issa kkonfermat li dak li ilu jghid il-Partit Nazzjonalista huwa kollu minnu u ippruvat u allura li l-poplu qed jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma," sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fid-dawl ta' storja li dehret dalgħodu fuq il-gazzetta The Times li tgħid illi abbozz ta' rapport tal-Awditur juri li konsumaturi jista' jkun li ħallsu €6.5 miljun aktar milli suppost f'kontijiet tad-dawl u l-ilma, €4.6 miljun f'kontijiet tad-dawl u €1.9 miljun f'kontijiet tal-ilma. 

L-istess rapport juri illi kien hemm varjanza ta' aktar minn €10 fi 32 kont minn 85 li analizza l-Uffiċċju tal-Awditur.  Id-differenza fil-kontijiet pro-rata u dawk annwali varjaw minn €10.74 sa €468.90 - f'każ ta' konsumatur (tista' tkun kumpanija/fabbrika...) li juża ħafna elettriku. 

Fil-każ ta' 46% tal-konumaturi il-varjanza kienet waħda żgħira ħafna, li ma taqbiżx iż-€2.

Estrapolati fuq total ta' 324,501 l-Uffiċċju tal-Awditur wasal għat-total ta' €6.5 miljun.

"Irid ikun Gvern immexxi minni li jiggarantixxi li dawn il-miljuni f'kontijiet jiġu mogħtija lura lill-poplu kollu, flus li ttieħdu b'mod mhux ġustifikat," qal Grech.  Huwa qal illi malli sar magħruf li kien hemm anomalija, hekk kif kien għarraf il-PN, "dakinhar sar magħruf għall-Gvern illi qed isir serq sfaċċat u allura kull min naqas għandu jerfa' r-responsabilità."

Għalhekk il-Kap tal-PN Bernard Grech wiegħed li dawn il-madwar €50 miljun li "nsterqu mill-poplu fuq medda ta' tmien snin"  jekk hu jsir Prim Ministru se jgħaddihom lura.

Huwa qal illi jekk hemm bżonn, tinbidel il-liġi biex il-kontijiet jinħadmu kif suppost u bi proporzjonalità tajba u allura kull persuna tieħu lura flus kull sena, minn dawk.  

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius sostna li llum huwa "jum ta' sodisfazzjon" wara ġimgħat u xhur illi matulhom il-PN kien qed jevalwa madwar 1,250 kont illi 80% minnhom kien qal li sab xi forma ta' żball fihom. "Mhux aħna biss tkellimna dwar dan is-suġġett. Tkellmu l-għaqdiet non governattivi, is-soċjetà ċivili u tkellem ukoll l-eks PM Joseph Muscat li kien wiegħed illi din l-anomalija se tkun irranġata, fl-2019. Minn dakinhar ma seħħ xejn."

Il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija Ryan Callus sostna illi din hija inġustizzja u fakkar li l-Gvern preżenti rabat lil Malta mal-kuntratt tal-Electrogas.  Huwa jfakkar li s-sena l-oħra l-Enemalta għamlet telf ta' €30 miljun.

More in Politika