Malta tilħaq il-herd immunity - Sal-lejla 70% tal-poplu jkun ħa mqar doża waħda tal-vaċċin

42% tal-poplu jkun ħa t-tieni doża wkoll - In-nies li kellhom jidħlu l-Isptar minħabba l-Covid-19 jonqsu b'95%

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li Malta laħqet il-herd immunity b'persentaġġi tajbin ħafna ta' dożi, meta kumparat ma' bosta pajjiżi madwar id-dinja.  Fearne ħabbar li llum Malta tilħaq is-70% ta' Maltin u Għawdxin li huma mlaqqmin imqar b'doża waħda u 42% tal-poplu li ħa t-tieni doża wkoll. 

"B'kuntrast ma' ħafna postijiet fid-dinja, Malta qed taċċelera.  L-aħbar it-tajba hija li qed nilħqu dawn in-numri pero' wkoll li l-vaċċin qed jaħdem," spjega Fearne, li fakkar illi n-numri ta' persuni li kellhom jidħlu l-isptar sforz il-Covid-19 naqsu b'95%.

Huwa fakkar li f'xi jiem Malta saħansitra qed tagħti aktar minn 8,000 doża f'ġurnata waħda niss, li tammonta għal tilqima kull ħames sekondi. 

Intant Fearne ħabbar ukoll li mill-1 ta' Lulju se titneħħa l-obbligazzjoni ta' lbies ta' maskri fuq barra, sakemm persuni jkunu fi gruppi ta' mhux aktar minn tnejn.

Filwaqt li fakkar li Malta ma tgħix f'bozza u li "l-agħar tal-pandemija għadu m'għaddiex f'ħafna pajjiżi" Fearne fakkar ukoll li Malta tiddependi mit-turiżmu u għalhekk jeħtieġ li pajjiżna jkun fuq il-Lista l-Ħadra ta' pajjiżi oħrajn. 

"Kull pass li nieħdu naraw x'effettt ikollu fuq is-soċjetà tagħna. Għalhekk qed niftħu b'mod gradwali u responsabbli, " qal Fearne, li fakkar illi llum l-gyms, pixxini u attivitajiet sportivi reġgħu bdew isiru filwaqt li r-ristoranti u snack bars jistgħu jiftħu sa nofsilejl.  Huwa qal li aktar rilaxx jiddependi dejjem x'jiġri wara li jkun evalwat l-effett tar-rilaxx ta' sett ta' miżuri.

"Ma jfissirx li m'aħniex se nirrilaxxaw aktar miżuri fl-aħħar ta' Ġunju.  Għalissa ħabbarna sal-aħħar ta' Ġunju.." qal Fearne li żvela kif il-Gvern kellu diskussjoni mal-istakeholders fl-industrija tad-divertiment biex aktar kemm jgħaddu jiem, aktar isir rilaxx ta' miżuri restrittivi. 

More in Politika