'Il-kriminali u l-PN qed jaġevolaw lil xulxin ... wieħed biex jixtri l-libertà u l-ieħor għal poter' - Il-PM

Il-Prim Ministru jgħid li b'dak li hemm quddiemu llum, ma jħossx li għandu jneħħi l-Ministru Carmelo Abela mill-kariga tiegħu

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li riżenja ta' Ministru ma tintalabx għax hemm "strateġija koordinata bejn il-kriminalità organizzata u l-Partit Nazzjonalista."

Abela qal dan meta waqt konferenza tal-aħbarijiet kien mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-Ministru Carmelo Abela, li issa qed ikun implikat minn Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fl-attentat tas-serqa mill-HSBC fl-2010.

Mistoqsi jekk talabx ir-riżenja tal-Ministru, anke wara li dan ilbieraħ kien mgħajjat biex ikun mitkellem mill-Pulizija, il-Prim Ministru saħaq li hemm strateġija koordinata bejn il-kriminalità organizzata u l-Partit Nazzjonalista.

"Il-kriminalità ma għandha xejn x'titlef u qed tipprova tixtri l-libertà u l-Partit Nazzjonalista jrid jakkwista l-poter. Il-PN qed jikkonfoffa mal-kriminalità biex jaġevolaw lil xulxin," saħaq Abela.

Qal li jekk tirriżulta mqar prova waħda, se jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

"Iż-żmien li d-deċiżjonijiet tal-Gvern jitmexxew minn Żeppi l-ħafijiet spiċċa. Iż-żmien li l-kriminali jiltaqgħu mal-Prim Ministri fis-satra tal-lejl," spiċċa saħaq Abela.

Qal li l-Gvern kellu l-kuraġġ li jieqaf lil ċrieki ta' kriminalità li dwarhom qatt ma sar xejn. 

"Illum dawn qegħdin il-ħabs u nemmen li l-istrateġija li biha l-Gvern saħħaħ l-istituzzjonijiet għandha titħalla taħdem," kompla jgħid.

Dwar jekk Abela għandux almenu jissospendi lilu nnifsu sakemm inaddaf ismu, il-Prim Ministru qal li Ministru jew jirriżenja jew jitneħħa.

"Nissorprendi ruħi kif f'daqqa waħda, lil persuna li hija akkużata bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, tajniha din il-kredibilità kollha," saħaq Abela. 

Insista li b'dak li hemm quddiemu llum, ma jħossx li għandu jneħħi l-Ministru mill-kariga tiegħu.

Fakkar li l-Ministru Abela kien disponibbli u qed iwieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-Pulizija.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday irrapportat li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Abela. Abela qed jinsisti li hu mhux qed ikun investigat.

Anke jekk qatt ma semma ismijiet, anke Vince Muscat, li ngħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, li seħħ fl-2015, kien qal li hemm 'Ministru' u 'eks Ministru' li kienu involuti f'din is-serqa.

More in Politika