Il-Gvern iħabbar il-ħruġ tat-tieni sett ta' vouchers ta' €100 li jistgħu jintużaw mis-7 ta' Ġunju

B'kollox se jkunu 25,000 ħanut u stabbilimenti li se jkunu jistgħu jgawdu minn dan it-tieni sett ta' vouchers

Sett ta' vouchers ġodda ta' €100
Sett ta' vouchers ġodda ta' €100

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-ħruġ tat-tieni sett ta' vouchers ta' €100 lil dawk kollha ta' 16-il sena 'l fuq f'konferenza Kastilja li għaliha kien preżenti wkoll il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.  Abela qal illi fl-2019 it-total ta' flus f'turiżmu intern kien ta' ftit inqas minn €40 miljun imma bil-vouchers intefqu €90 miljun  - filwaqt li qal illi inħolqu madwar 1,500 impjieg permezz tax-xogħol iġġenerat.  Il-Prim Ministru qal illi minn Lulju sa Settembru 2020 kien hemm 19,000 persuna minn Malta li marru Għawdex, b'użu wkoll tal-vouchers, filwaqt illi fl-istess xhur fl-2019 kien hemm madwar 15,000. 

Abela qal li għal kull €1 li ntuża mill-vouchers fl-2020, intefaq €1 ieħor.

Din id-darba l-iskema se tinqasam hekk: €60 għal barijiet, lukandi, skejjel tal-għadds, każini, kafetteriji u ristoranti fost oħrajn u €40 għal ħwienet ta' ħwejjeġ, żraben, ġojjellerija, tax-xagħar, gyms, ċentri ta' kultura u ħwienet oħrajn li kellhom jgħalqu minħabba r-restrizzjonijiet.  Se jingħataw erba' vouchers ta' €15 u erba' oħra b'valur ta' €10. Dawn il-vouchers se jiġu attivati nhar is-7 ta' Ġunju. 

B'kollox dan it-tieni sett ta' vouchers se jiswa' €50 miljun, għalkemm huwa mistenni li r-ritorn ikun ikbar minħabba aktar kunfidenza grazzi għall-proċess ta' vaċinazzjoni. Sal-lum ingħataw total ta' 445,830 doża u b'kollox 158,489 huma mlaqqma' b'mod komplet.

B'kollox 25,000 ħanut jew stabbiliment jista' jgawdi minn dawn il-vouchers.

Il-vouchers din id-darba jistgħu jitniżżlu b'mod diġitali permezz ta' smartphone mis-sit wallet.vouchersmimcol.com - u persuna tista' tniżżel dawn il-vouchers minn għada stess sal-4 ta' Ġunju.  Hemm żewġ metodi li bihom tniżżel il-vouchers:  Jew bl-E ID jew inkella toħloq kont li permezz tiegħu tiġi identifikat u tniżżel il-vouchers, li jibqgħu fuq il-mowbajl tiegħek.  Il-Ministru Schembri appella biex kemm jista' jkun jintuża dan il-mod. 

Minkejja dan wara l-4 ta' Ġunju jibda l-proċess biex il-vouchers jitqassmu manwalment fid-djar tan-nies, bħala posta reġistrata.

In-negozji li diġà attivaw il-kont tal-vouchers m'għandhom għalfejn jagħmlu xejn, ħlief li jkunu ċerti li l-karta ta' kreditu tagħhom għadha valida.  Dawk li ma attivawx il-kont tagħhom s-sena l-oħra u allura ma għamlux użu mill-vouchers se jkollhom ċans jattivaw tali kont mill-ġdid.

Il-Ministru Schembri ħabbar ukoll li dawk li fetħu negozju ġdid jistgħu wkoll issa japplikaw biex ikollhom kodiċi għalihom, sabiex ikunu jistgħu jużaw u jaċċettaw vouchers mingħand il-klijenti.

Intant il-PM Abela fakkar li pajjiżna jinsab fuq quddiem fl-irkupru ekonomiku u qal illi l-ekonomija Maltija mistennija tikber darba u nofs daqs dik tal-Unjoni Ewropew. "Meta qed taħdem f'pandemija kollox isir frott pjan ta' effiċjenza u anke l-għaqal tal-Maltin u l-Għawdxin. Fl-ebda ħin ma ħallejna lin-negozji waħedhom, tajna priorità lis-saħħa tan-nies u llum pajjiżna għandu l-aqwa rata ta' tilqim."

Abela qal li llum qed naqtgħu l-frott tas-sagrifiċċji għalkemm sostna li l-ftit sagrifiċċji li għadhom qed jiġu mitluba jiġu mħarsa għal ġid ta' saħħet il-poplu - hekk kif il-Gvern qed jiftaħ l-ekonomija bil-mod, il-mod "għal sajf ta' xogħol."

Intant ara hawnhekk kif wieġeb il-PM dwar il-Ministru Carmelo Abela.

More in Politika