Jason Azzopardi jistaqsi x'qed iżomm lill-Ministru Abela milli jfittex lil Degiorgio għal kalunja

Ilbieraħ Abela kien mgħajjat mill-Pulizija biex ikun mistoqsi xi mistoqsijiet wara li Alfred Degiorgio, semma lil Ministru bħala kompliċi fl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010

Il-Ministru Carmelo Abela
Il-Ministru Carmelo Abela

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa għaliex il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, għadu ma fetaħx proċeduri kriminali kontra Alfred Degiorgio minħabba kalunja.

Azzopardi qal dan l-għada li Abela kien mgħajjat mill-Pulizija biex ikun mistoqsi xi mistoqsijiet wara li Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, semma lil Ministru bħala kompliċi fl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010.

"Il-liġi kriminali tgħid li: 'Kull min bil-ħsieb li jagħmel ħsara lil xi persuna, jakkuża lil dik il-persuna quddiem awtorità kompetenti b’reat, filwaqt li jkun jaf li dik il-persuna hija innoċenti, għall-fatt biss li jkun akkużaha, jeħel.' Dan huwa d-delitt tal-kalunja," kiteb Azzopardi.

Kien għalhekk li staqsa għaliex il-Ministru, ġaladarba qed jisħaq li Degiorgio qed jigdeb, ma fetaħx proċeduri kriminali kontrih.

"Jekk jiftaħ tali proċeduri, il-Ministru Abela jkun jista' jidher fil-Qorti quddiem l-istess Degiorgio. Jew qed jiddejjaq minn xi ħaġa? Din id-darba fil-Qorti, Degiorgio ma jkunx liebes balaclava," kiteb Azzopardi.

Fuq Facebok, Jason Azzopardi kien allega li l-Ministru kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi lill-ħallelin filmati u anke karti tal-aċċess. Abela qed jiċħad dawn l-akkużi.

F’dak iż-żmien, Abela kien jaħdem il-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li bih isiru l-karti tal-aċċess li jkollhom l-impjegati. Il-Ministru kien ikkonferma dan hu stess meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-ħallelin, lura fl-2011.

Kien Vince Muscat il-Koħħu u aktar tard Alfred Degiorgio li kienu allegaw li “Ministru preżenti” kien kompliċi f’din is-serqa.

Minkejja dan, kien Jason Azzopardi l-ewwel li semma lil Abela b’ismu, u immedjatament, il-Ministru kien fetaħlu libell.

Intant, il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday irrapportat li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Abela. Abela qed jinsisti li hu mhux qed ikun investigat.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li "f'pajjiż normali, meta għandek Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed jiġi interrogat mill-Pulizija dwar allegazzjonijiet fuq każ serju ħafna, dan iwassal biex għall-inqas jiġi sospiż mill-Kabinett sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet."

Insista li taħt it-tmexxija ta' Robert Abela, mhux biss ma jsirx hekk imma "għandna skiet itarrax mill-Prim Ministru." 

"Il-ballun qiegħed f’saqajn il-Prim Ministru, biex jieħu azzjoni immedjata fuq il-Ministru Abela," insista Grech.

More in Politika