Cacopardo jitlob li jiġi investigat l-ftehim li jara liċ-Ċaqnu jħallas miljuni inqas f'taxxa dovuta

Minn €40 miljun dak dovut jinżel għal €10 miljuni, fi ftehim b'rabta ma' proprjetà li Polidano għadda lill-Gvern u anke xogħol ta' kostruzzjoni u skavar li kien għadu ma tħallasx tiegħu

Carmel Cacopardo
Carmel Cacopardo

Il-ftehim irrappurtat bejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u Charles Polidano "jqajjem mistoqsijiet serji dwar kif sar dan il-ftehim. Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf kif il-Kummissarju għat-Taxxi wasal biex jagħti skont hekk kbir lil Charles Polidano u lill-kumpaniji tiegħu."

Hekk sostna fi stqarrija l-partit ADPD wara rapporti dalgħodu illi l-Gvern laħaq qbil maċ-Ċaqnu biex jitnaqqaslu kont tat-taxxa pendenti:  Minn €40 miljun għal €10 miljuni. Dan il-ftehim mal-Gvern jara lil Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu, iħallas miljuni inqas fi ftehim li kien jitratta proprjetà li hu kien għadda lill-Gvern u xogħol ta' kostruzzjoni u skavar li għalih kien għadu ma tħallasx mill-Gvern.

Fid-dawl ta' dan il-ftehim iċ-Chairperson ta' ADPD Carmel Cacopardo se jkun qed jitlob formalment lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jinvestiga l-materja.

Cacopardo qal li din hija kwistjoni ta’ interess pubbliku. "Kwalunkwe ftehim bħal dan, li jinvolvi għexieren ta’ miljuni f’taxxi jeħtieġ li jgħaddi mill-għarbiel tal-iskrutinju pubbliku. Iċ-ċivil għandu jkollu diskrezzjoni limitata dwar kwistjonijiet bħal dawn u għalhekk biex jiġi evitat kull dubju li tali diskrezzjoni ma ġietx abbużata, nappellaw lill-Awditur Ġenerali u lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jagħmlu verifika tal-ftehim u tan-negozjati li saru."

Cacopardo qal li l-metodu li sejjaħ "dubjuż" ta’ ħlas permezz ta’ bini jew tpartit ta’ xogħolijiet flok taxxa għandu wkoll jaqa’ taħt skrutinju.

"Kif se nkunu nafu jekk it-tnaqqis fit-taxxa hux xi forma ta’ ringrazzjament għal donazzjonijiet lill-partit fil-gvern?" staqsa ċ-Chairperson tal-ADPD. Huwa saħaq illi huwa fatt magħruf u dokumentat li l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti "tħalli donaturi kbar taparsi jixtru servizzi minn kumpaniji kummerċjali tal-PL u l-PN, imma dawn il-flus fil-fatt jintużaw biex isostnu l-magni tal-partiti speċjalment permezz ta’ propaganda imxandra fuq l-istazzjonijiet tat-TV tagħhom."

"Kull Ewro li jinħafer minn kont tat-taxxa huwa Ewro meħud mill-edukazzjoni tat-tfal, mill-kura tas-saħħa tagħna, mill-infieq biex ikollna ambjent aħjar," temm jisħaq Carmel Cacopardo.  

More in Politika