Analiżi | Tliet toroq li għandu Grech jekk irid imqar joffri sfida lill-PL fl-elezzjoni li jmiss

Is-sondaġġ xjentifiku ta' ġimgħa ilu xejn ma kellu aħbarijiet sbieħ għal Bernard Grech u l-PN.  Imma mhux kollox mitluf!  Il-PN għad għandu tliet toroq quddiemu li jistgħu jsalvawh minn umiljazzjoni, jekk l-elezzjoni isseħħ fix-xhur li ġejjin.  L-ILLUM tanalizza...

Il-ġimgħa li għaddiet kien ippubblikat sondaġġ xjentifiku fuq il-gazzetta oħt Maltatoday li xejn ma kellu aħbarijiet sbieħ għall-Partit Nazzjonalista.  Prattikament juri li l-avvanzi kollha li għamel il-PN fl-aħħar xhur, minħabba konsolidament fil-bażi ta' votanti tiegħu kif ukoll minħabba telf ta' appoġġ lejn il-Gvern fl-eqqel, tat-tieni (kważi) lockdown, tar kollu mar-riħ. 

Naturalment wieħed irid jistenna s-sondaġġi li jmiss biex jara jekk din id-differenza hija xejra, imma apparti d-differenza ta' madwar 39,000 voti favur il-Partit Laburista dak tal-Ħadd li għadda fil-fatt kien it-tieni sondaġġ li juri titjib favur il-PL. Fis-sondaġġ ta' April, minkejja li d-differenza bejn il-partiti baqgħet kbira (madwar 26,000 vot), il-Prim Ministru rreġistra żieda fil-fiduċja ta' ftit aktar minn 7%. Fis-sondaġġ ta' Mejju imbagħad il-fiduċja fil-PM żdiedet bi ftit iktar minn 2% filwaqt li ta' Grech, naqset b'10%.

Jidher ċar allura, jekk naqbdu l-aħħar tliet sondaġġi, li f'termini ta' differenza bejn il-partiti qed nitkellmu dejjem fuq  differenza li hija aktar minn 20,000 vot u li espandiet, minn 23,000 vot f'Marzu (meta tħabbar it-tieni lockdown u Malta kellha bejn 200 u 500 każ ġdid kuljum ta' Covid-19) sa 39,000 vot f'Mejju (meta kien beda sew il-proċess ta' rilaxx ta' miżuri). 

L-affarijiet mhux jidhru sbieħ għall-PN u għal Bernard Grech.  Iżda għad hemm ħames soluzzjonijiet li jista' jaħdem fuqhom jekk irid li jagħti lill-Partit Laburista, imqar, sfida tajba:

Ħudu pożizzjonijiet - Kunu rilevanti!  Imma qed tkunu?

Il-korruzzjoni, il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt huma lkoll suġġetti importanti ħafna, li jifformaw il-pedament ta' soċjetà demokratika.  Bl-iżbalji jew bl-azzjonijiet, uħud reali (VGH, Panama papers, 17 Black ...), oħrajn perċeputi ('qatt ma kellna korruzzjoni daqs illum') u oħrajn li qatt għadhom ma kienu pruvati iswed fuq l-abjad (implikazzjoni ta' eks politiċi/personaġġi fil-Gvern, fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia) il-PN jista' jidher bħalissa bħala l-għażla naturali ta' dawk il-votanti, li jivvutaw fuq dawn il-kwistjonijiet bħala priorità. 

Il-problema hija li jinħass, illi ladarba toħroġ mill-ispazju ta' dan is-suġġett, hemm perċezzjoni (li tinħass illi hija popolari) ta' vakuum u vojt.

Għal dawk l-eluf ta' nies li fl-elezzjoni li ġejja se jivvutaw fuq il-flus fil-but u kif Malta immaniġġjat l-isfida kbira tal-Covid-19 - il-PN x'jista' joffri differenti u aħjar?  X'inhuma l-policies ekonomiċi tal-PN u kif inhuma differenti mill-politika preżenti li timbotta l-konsum, li toħloq d-domanda fil-kostruzzjoni, il-proprjetà u permezz tat-turiżmu tal-massa, fost oħrajn? X'inhi l-viżjoni tal-PN għall-qasam tat-toroq u infrastruttura?  Aktar toroq u proġetti bħal tal-Marsa/Santa Luċija/Central Link jew inqas?  Toroq taħt l-art? Metro? 

Li l-PN jibqa' jsemmi x'kien jagħmel tmien snin ilu - filwaqt li ma fiha xejn ħażin - hija narrativa li għal dawk l-eluf kbar ta' votanti li llum għandhom 16, 17 jew 18-il sena (u se jivvutaw l-ewwel darba u allura fl-2013 kellhom tmienja, disa' jew 10 snin) ma tfisser (kważi) assolutament xejn meta se jivvutaw!  Dan apparti li meta l-istrateġija (jekk hemm!) tkun iffukata ħafna fuq il-passat, għandek ċans tqajjem il-preġji, imma anke l-iskeletri! 

Għal persuna li għandha negozju marbut ma' tikħil, żebgħa, elettriku jew inkella għamara li mhux talli naqsilha x-xogħol, talli żdidilha waqt il-pandemija. Il-PN x'qed joffrilha differenti?  Għal min xeba' b'dak li jidher illi huwa attakk kontinwu fuq l-ambjent, kostruzzjoni bla rażan u binjiet ta' sulari rekord, lilhinn  mill-kliem sabiħ dwar ir-rispett u proposti biex laqgħat tal-ERA ikunu aktar pubbliċi - x'bidla fil-policy jixtieq li jwettaq?  Se jwaqqaf iktar żvilupp ta' binjiet b'ċerti sulari? Se joħloq aktar żoni ta' konservazzjoni u liema huma? Se jagħmilha aktar diffiċli biex joħroġ permess u jekk iva kif? X'se jbiddel fil-politika tal-ODZ? 

Għal persuna żagħżugħa li ma tantx issegwi politika u li qatt ma tara stazzjonijiet politiċi jew aħbarijiet lokali, pero' li hija interessata ħafna fis-suġġett tal-kannabis.  Hija per prinċipju favur ħafna din il-leġiżlazzjoni jew inkella żagħżugħ ieħor li huwa per prinċipju, kontra ħafna.  Il-PN x'se jagħmel?  Għandu pożizzjoni? 

Għal persuna li dejjem ivvutat PN, imma mhux akkanita.  M'għandhiex proprjetà u hija kontra l-iskema tal-IIP bil-qawwi għax taraha bħala skema li qed tbigħ ruħ Malta. Mhux se tivvota Labour żgur, imma l-PN għaliex mhux iwiegħed li jneħħi l-iskema?  Jew in-naħa l-oħra tal-munita:  Persuna li dejjem ivvotat PN jew ma vvutatx (mhux akkanita għall-partit) imma qed tikri appartamenti lil persuni li xtraw iċ-ċittadinanza, qed iddaħħal ħafna flus u ħafna drabi ma jkunux fl-appartament min qed jikri.  Din qed tistaqsi, imma jekk jitla' l-partit tiegħi fil-Gvern din l-iskema se jżommha jew se jneħħieha? 

Għal persuna li dejjem kienet tivvota PN imma fl-2013 u fl-2017 ivvutat lill-Partit Laburista. Imdejqa u rrabjata għal ċerta stejjer li ħarġu b'konnessjoni ma' Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, kuntratti u anke attendiet xi protesti favur ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Imma tammetti li f'ħafna oqsma bħall-ekonomija, is-saħħa, ix-xogħol u l-Covid-19 dan il-Gvern mexxa tajjeb u tirrikonoxxi li saru ħafna passi tajbin fl-aħħar sena fil-Korp tal-Pulizija u anke fil-ġustizzja.  Allura ma tafx kif se tivvota.  Il-PN kif qed iserraħ ras din il-mara li hu jista' jkun kontinwazzjoni tajba, ta' fejn sejjer tajjeb bħalissa?

Għal dik il-persuna, li tinsab fl-iskali ta' isfel ta' dħul, għandha 50 sena, livell primarju ta' edukazzjoni u tilef ix-xogħol minħabba l-pandemija. Ħabbat il-bieb ta' uffiċċju ta' Ministru, li għadu kif fetaħ fil-pjazza tar-raħal u talbu jgħinu biex forsi jsib xogħol bħala security jew cleaner ximkien, forsi jkollu biex jgħaddi u jgħix.  Ġimagħtejn wara ingħata xogħol ma' kuntrattur privat bħala security f'lukanda li se terġa' tiftaħ il-bibien tagħha fl-1 ta' Ġunju.  Il-PN lil dan ir-raġel x'jista' jgħidlu li huwa ta' rilevanza għalih biex jikkonvinċih jivvota PN?

Għal dak il-votant mill-Ħamrun jew mill-Marsa jew San Pawl il-Baħar - li huwa imħasseb b'inċidenti li jseħħu fil-lokalità u nuqqas ta' preżenza tal-pulizija - fid-dawl ta' popolazzjoni kbira ta' immigranti, u wasliet ta' immigranti.  Il-PN kif irid li jnaqqas minn dan it-tħassib?  Irid pajjiż iktar multikulturali jew inqas multikulturali? U meta jmur fuqu lukandier li jgħidlu li hu biex ikun jista' jopera irid iħaddem għexieren ta' barranin għax ma jsibx biżżejjed Maltin, x'se jgħidlu li hija l-viżjoni tiegħu fuq ħaddiema barranin? 

Il-PN qatt ma jista' jirbaħ elezzjoni oħra fil-futur qarib jekk mhux se jiddistingwi ruħu mill-Partit Laburista fuq l-aktar kwistjonijiet rilevanti għan-nies.  Jekk se jwiegħed sempliċiment kontinwazzjoni ta' dak li għandna issa, għalfejn għandu jbiddel il-partit, il-votant? 

Tmexxija ġdida ma' Grech! Imma x'inhu jwaqqaf milli jiġri dan?

Mhux każ ta' nies għar-rimi!  Huwa każ ċar ta' tmexxija ġdida mdawwra b'nies li huma t-tmexxija ta' Adrian Delia jew inkella li ilhom jimilitaw f'pożizzjonijiet fil-partit għal snin twal. 

Il-PN sejjer għal elezzjoni ġenerali b'żewġ Viċi Kapijiet li huma prattikament u kważi b'mod kompletament neqsin mix-xena.  Robert Arrigo, huwa fatt magħruf li ma jarax għajn ma għajn ma' Grech - fil-fatt ikkampanja bil-qawwi favur Delia u kontra Grech. Daniel Josè Micallef - persuna żagħżugħa, liberali ħafna u voċiferu fuq ħafna kwistjonijiet - huwa l-kompetitur dirett ta' Arrigo. 

Minn naħa l-oħra - bniedem ukoll kariżmatiku u approachable - David Agius, mill-ġdid huwa kważi assolutament nieqes mix-xena.  L-avversarju tiegħu fil-PL huwa Chris Fearne: L-aktar Ministru popolari f'Malta li bena profil b'saħħtu immens minħabba l-Covid-19 u l-mod kif kien immaniġġjat il-proċess ta' vaċċinazzjoni. 

Imbagħad hemm Francis Zammit Dimech - persuna affabbli pero' li ilha tokkupa karigi mis-snin 80 fil-partit u li kellu jkun Segretarju Ġenerali biss bħala care-taker!  Wara 40 sena f'karigi differenti persuna fil-politika ġeneralment tibda taħseb biex tiritra, mhux tokkupa l-aktar pożizzjoni importanti f'termini ta' organizzazzjoni, loġistika u  kampanja elettorali. 

Mela hawnhekk il-PN għandu problema serja. U din hija 1) Jew ma għandux minn fejn jagħżel nies friski u ġodda, li lesti jieħdu t-tmun ma' Grech, 2) Jew il-Kap tal-PN m'għandux il-kuraġġ li jkun hu li jbiddel lil dawn in-nies u jagħżel minflokhom nies li huma ħafna aktar attraenti għall-votant 3) Jew dawn in-nies - minkejja li jafu illi politikament itellfu qegħdin, mhux irebbħu, qed jibqgħu hemmhekk biex ma jħallux lit-tmexxija tagħmel l-avvanzi li forsi tista' tagħmel sa' elezzjoni ġenerali oħra 4) Jew inkella hemm sens ta' rassenjazzjoni u allura kollox pospost għal wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss!

Minkejja li l-PN għandu numru ta' żgħażagħ li ħerġin u anke wċuħ ġodda - minn dawn diġà tilef tnejn, li ma kellux jitlef - Angela Coleiro, li kienet qed tibni profil b'saħħtu bil-mod il-mod u issa anke Tiffany Abela Wadge.

Indirizzaw il-firda.  Imma tista' tiġi indirizzata?

Ix-xeni li rajna s-sena l-oħra ta' ġlied, għajjat, tgħajjir ta' traditur, tfigħ ta' tesseri - kemm barra d-Dar Ċentrali u ħafna iktar fuq il-midja soċjali, taw l-impressjoni ta' partit maqbud fi gwerra.  

It-tneħħija ta' Delia minn Kap tal-PN f'nofs leġiżlatura, qatt ma kienet se tkun affari faċli għall-PN, anke jekk għall-argument kien hemm raġunijiet validi biex dan iseħħ.  Din it-tneħħija tant kienet akrimonjuża u tant wasslet biex kibru d-differenzi fil-PN li kien ovvju, l-ewwelnett li l-PN bena u issolidifika l-immaġini ta' partit mifrud u t-tieninett li dawn id-differenzi se jdumu ma jitranġaw - jekk qatt jitranġaw. 

Sal-lum għad hemm nies - li pubblikament u fuq il-Facebook isejħu lil Delia 'kap' - sfida ċara lejn Bernard Grech u stqarrija pubblika li huma ma jirrikonoxxux lilu bħala Kap tal-PN.  Nies fi ħdan il-PN li wara dak li ġara l-ġimgħa l-oħra sostnew ma' din il-gazzetta li l-Kap preżenti tela' fuq gidba.  Eks Kunsillier tal-PN f'Ħal Balzan, bil-miftuħ fuq il-midja soċjali qal li se jaħdem kontra l-PN, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra nies bħal Manuel Delia kienu qed itellgħu blogs jikkritikaw lil Grech u l-attivist Godfrey Leone Ganado jgħid li 'split' hija l-unika soluzzjoni. 

Minkejja li dan kollu huwa ferm 'il bogħod mill-ġlied tas-sena l-oħra - l-akbar kisba ta' Bernard Grech sa issa, fil-fatt -  jidher ċar illi minn taħt għad hemm ħafna diverġenzi serji. 

Il-problema, mhumiex id-diverġenzi per se.  Il-problema hija - u se nitfghuha f'mistoqsija - id-diverġenzi li jeżistu fil-PN illum jistgħu jintgħelbu?  Adrian Delia probabbilment jiġi elett żgur fl-elezzjoni li jmiss.  Dawk kontrih, lesti "jgħixu" fl-istess partit miegħu?  Kieku l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, lesti jarawh Ministru fi Gvern ta' Grech? U dawk li għadhom isejħu "kap" lil Delia lesti jċedu l-armi u jaċċettaw lil Bernard Grech bħala l-Kap tal-PN u lesti jaħdmu miegħu fl-elezzjoni? Lesti jaħdmu ma' nies bħal Jason Azzopardi, David Thake, Karol Aquilina u oħrajn? 

Jekk ir-risposta hija fin-negattiv - mela allura jkun  ċar li l-partit għadu mifrud.  Ikkontrolla l-immaġini u rranġa dik l-immaġini ta' firda, imma fundamentalment għadu mifrud. 

U allura l-mistoqsija naturali l-oħra hija:  Il-PN jista' jingħaqad? 

Li jwassal għall-aħħar mistoqsija:  Bernard Grech huwa kapaċi jieħu dawk id-deċiżjonijiet iebsa ħafna li alluda għalihom ftit ġimgħat ilu u li jistgħu jfissru tkeċċijiet mill-PN - anke ta' Deputati? Lest jissagrifika persuna għal ġid akbar tal-PN?  Sa issa ma jidhirx li għandu l-kapaċità jew inkella li għandu s-saħħa jew l-ispazju fejn jimmanuvra jew ir-rieda, biex jieħu din id-deċiżjoni

More in Politika