Rosianne Cutajar u s-sieħeb tagħha jirriżultaw negattiv għall-użu tad-droga

Cutajar kellha tagħmel dan it-test b'mod volontarju wara filmat li qed idur fuq il-midja soċjali u juri lis-sieħeb tagħha jiffilmja ħabib tiegħu jieħu dik li tidher bħala kokaina

Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar u s-sieħeb tagħha Daniel Farrugia għażlu b’mod volontarju li jagħmlu test għad-droga wara filmat li qed idur fuq il-midja soċjali u li juri lil Farrugia jiffilmja persuna oħra tieħu dik li tidher bħala kokaina.

Ir-riżultati, li rat The Times of Malta, juru li t-tnejn li huma rriżultaw negattiv għall-użu ta’ droga bħalma huma l-kokaina, il-kannabis, l-opiates u l- amphetamines.

Il-filmat ta’ Daniel Farrugia kien qed jinxtered fuq gruppi fuq Whatsapp matul tmiem il-ġimgħa.

Farrugia fl-ebda ħin ma jidher li qed jieħu d-droga, iżda l-persuna l-oħra tidher tikkonsma d-droga, f’toilet ta’ ristorant jew bar.

F’kummenti ma’ The Times of Malta, Cutajar li kienet qed tmexxi r-riforma tal-Gvern dwar l-użu tal-kannabis rikreattiva, qalet li hi bl-ebda mod ma hi favur l-użu tal-kokaina.

Qalet ukoll li ma kellha l-ebda idea ta’ dan il-filmat u li saret taf bih meta kienet ikkuntatjata mill-gazzetti.

Cutajar qalet li l-filmat ittieħed ħafna qabel bdiet toħroġ ma’ Daniel.

Id-Deputata kienet irriżenjat minn Segretarju Parlamentari fi Frar li għadda hekk kif qed tkun investigata mill-Kummissarju għall-Istandards minħabba l-allegat ħbiberija ma’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-kumpanija 17 Black, fil-qalba ta’ allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus.

More in Politika