'Il-fatt li se nospitaw il-EuroPride 2023 juri li Malta hija pijuniera tal-libertajiet ċivili' - Zammit Lewis

Il-Ministru Edward Zammit Lewis kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim bejn il-EuroPride u l-Allied Rainbow Communities (ARC)

Il-fatt li Malta se tkun qed tospita l-EuroPride 2023 turi li Malta hija post sigur għall-komunità LGBTIQ+ u hija wkoll pijuniera fis-settur tal-libertajiet ċivili.

Hekk saħaq il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn il-EuroPride u l-Allied Rainbow Communities (ARC). 

Zammit Lewis saħaq li l-EuroPride 2023 hija opportunità għal Malta biex taqsam l-aqwa prattiċi mal-kumplament tad-dinja u opportunità biex tiċċelebra l-ugwaljanza.

Fakkar li biex biex tospita l-EuroPride 2023, Malta kienet qed tikkompeti ma' bliet oħra importanti Ewropej iżda ntagħżlet mhux b'kumbinazzjoni, iżda għax hija pajjiż sigur għall-komunità LGBTIQ+ u pijuniera fid-drittijiet ċivili.

Huwa u jikkummenta dwar il-fatt li Malta, għas-sitt sena konsekuttiva, żammet postha fuq nett tal-lista tal-LGBTIQ rights index, il-Ministru qal li dan jikkonferma kemm ir-riformi li Malta qed timplimenta, huma sostenibbli.

Insista li dan jimla lill-Gvern b'aktar determinazzjoni biex ikompli jaħdem favur aktar libertajiet ċivili mhux biss għall-komunità LGBTIQ+ imma anke biex ineħħu kull forma ta' inugwaljanza fis-soċjetà.

Intant, il-Maniġera tal-ARC Community Clayton Mercieca, faħħar lill-Gvern li minnufih qabel li mhux biss jgħin finanzjarjament imma anke jgħin fl-organizzazzjoni ta' din l-attività.

Qal li diġà bdiet il-ħidma u tfassal abbozz ta' programm li jinkludi għaxart ijiem ta' attivitajiet u laqgħat ma' setturi varji bħalma huma dawk tat-turiżmu, tan-negozju u artistiku.

More in Politika