Il-PN jisħaq li l-industrija lokali m'għandhiex tibqa' tħallas 'l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma'

Il-Kelliem tal-PN għax-Xogħol Jason Azzopardi jisħaq illi dan jista' jsir billi l-Gvern 'jiffranka l-miljuni mill-ftehim korrott tal-Electrogas'

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għax-Xogħol Jason Azzopardi qal illi fid-dawl tal-aħbar li f’Marzu 2021 Malta rreġistrat l-ikbar tnaqqis fil-produzzjoni industrijali mill-pajjiżi kollha taż-żona ewro, ifisser li hemm bżonn li fost oħrajn, il-Gvern jara li "l-industrija lokali ma tibqax tħallas l-ogħla kontijiet tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea kollha."  Azzopardi qal illi din qed twassal sabiex tkun impattata ħażin il-kompettitività tal-fabbriki lokali.  "Dan ikun jista’ jsir billi jiġu iffrankati l-miljuni ta’ ewro li kull sena qed jitħallsu żejda f’senserija bla bżonn fil-kuntratt korrott tal-Electrogas," sostna d-Deputat tal-PN.

Hu qal ukoll li l-Gvern għandu jagħmel b'suċċess l-argument lill-Kummissjoni Ewropea sabiex Malta tiġi rikonoxxuta bħala reġjun, li Azzopardi jfakkar li qed iwassal għal żvantaġġi endemiċi għall-Industrija lokali "li qed iwasslu biex kull sena miljuni kbar jitħallsu b'mod żejjed mill-fabbriki tagħna, sempliċiment biex jesportaw il-prodotti tagħhom jew jimportaw il-materja prima."

Azzopardi temm jappella wkoll lill-Gvern biex minnufih jippubblika l-Pjan tiegħu ghall-Irkupru Ekonomiku dwar l-industrija lokali. 

More in Politika