Il-Gvern Libjan jitlob lil Malta tgħaddi mat-€80 miljun f'fondi li Gaddafi kien poġġa fil-BOV

Il-flus huma ffriżati u jinsabu f'ħames kontijiet separati ta' Kumpanija li kienet tal-eks dittatur, fil-Bank of Valletta

L-eks Dittatur Muammar Gaddafi
L-eks Dittatur Muammar Gaddafi

Il-Libja qed titlob lill-Gvern Malti biex jgħaddi madwar €80 miljun f'depożiti ffriżati li kienu proprjetà tal-familja tal-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi.  Dalgħodu is-sit timesofmalta.com irrapporta kif din it-talba saret hekk kif il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ltaqa' mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan Najla El-Mangoush. 

L-istess sit irrapporta kif jidher li fil-laqgħat bejn iż-żewġ ministri, El-Mangoush esprima d-determinazzjoni tiegħu li l-Libja tieħu mijiet ta' miljuni li d-dittatur kien ħeba f'diversi pajjiżi - inkluż Malta - u għadda lil qraba u ħbieb. 

Gaddafi mexxa lil Libja għal 40 sena qabel tneħħa wara rivoluzzjoni - li kienet parti minn rivoluzzjoni ħafna akbar li bdiet fit-Tuneżija kontra d-dittatur Ben Ali, magħrufa bħala r-Rebbiegħa Għarbija. 

El-Mangoush huwa mifhum li talab lill-Gvern jintervjeni mal-Bank of Valletta biex miljuni maqbudin f'dan il-bank, liema flus ilhom iffriżati kważi 10 snin, jingħataw lura bħala sinjal ta' rieda tajba. 

Wara r-rivoluzzjoni, permezz ta' trattati internazzjonali, il-Gvern Libjan seta' jintraċċa miljuni ta' ewri li nżammu Malta permezz tal-kumpanija rreġistrata f'pajjiżna, Capital Resources Ltd.  L-istat Libjan bdiet tqis dawn il-flus tal-eks Dittatur bħala qligħ illegali u għalhekk bdiet proċeduri biex teħodhom lura.

Il-BOV kien spjega kif Gaddafi kellu kumpanija  - li kellha ħames kontijiet fil-bank  - b'depożiti ta' madwar €80 miljun.  Il-familja ta' Gaddafi qed jinsistu li l-flus huma tagħhom u mhux tal-istat Libjan quddiem il-Qorti Maltija.

More in Politika