Analiżi | Tama u kawtela: Iż-żewġ ingredjenti li l-pajjiż għandu bżonn biex jimxi ‘l quddiem

Fl-aħħar il-pajjiż reġa’ għandu xi ftit jew wisq tat-tama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar. Minkejja dan, għax tgħallimna mill-iżbalji, il-kawtela saret ukoll fattur importanti. Il-gazzetta ILLUM tqabbel is-sentimenti li ħassejna bħal dan iż-żmien sena u għaliex, minkejja li ninsabu f’ċirkostanzi simili, din id-darba s-sitwazzjoni hija differenti...

Mat-tokki ta’ nofsilejl, hekk kif qalbet is-sena 2021, il-perċezzjoni kienet li l-Covid-19 ħallejnih warajna fis-sena 2020. Iċċelebrajna mhux biss it-tmiem ta’ sena, iżda mingħalina, it-tmiem tal-pandemija! Anke aħna tal-gazzetta ILLUM. L-ewwel paġna, tal-ewwel gazzetta tas-sena kienet tgħid: ‘2020 is-sena tal-pandemija.’ Iżda llum il-ġurnata niġi f’dubju u ċert li ma nkunx waħdi, jekk din id-definizzjoni toqgħodx aħjar għal din is-sena. Mur għidilna x’kien ġej għalina! Konnha nwissu fuq il-mewġ u ġie tsunami. Il-Malti jaf x’jgħid: ‘Tinfaxxax rasek qabel taqsamha!’ Mhux ta’ b’xejn li l-moral tal-pajjiż instabat waħda u sew! 

Din il-ġimgħa donnu li bdejna naraw mill-ġdid xaqq ta’ dawl fi tmiem ta’ mina twila u mudlama. Ħlief għal xi erba’ persuni li jintefgħu wara l-monitor tal-kompjuter u jxerrdu biss dwejjaq u negattività, żgur li nhar il-Ħamis kulħadd ħa nifs il-ġewwa u ħa xi ftit jew wisq tar-ruħ. Kulħadd iddejjaq sejjer mid-dar għax-xogħol u lura. Issa kulħadd għandu bżonn ftit tat-tama u l-Gvern għamel tajjeb li ħabbar pjan għar-rilaxx tal-miżuri fit-tul. Anke jekk kollox jiddependi mis-sitwazzjoni tal-pandemija, għax irridu nibqgħu attenti, il-fatt li hemm data għar-rilaxx ta’ kull miżura, jagħti tama bżonjuża lil ħafna.

Għaliex importanti t-tama? Mhux biss għax kien hemm sidien li fallew u raw is-sagrifiċċji li għamlu tul is-snin itiru mar-riħ fi ftit ġimgħat, imma għax dan il-qtigħ ta’ qalb kellu impatt fuq is-saħħa mentali ta’ bosta. Dan mhux kliem fl-arja. Jekk ma temminx, idħol fis-sit tal-Fondazzjoni Richmond u aqra b’għajnejk ir-riżultati tas-sondaġġi li għamlu tul dawn ix-xhur biex ‘ikejlu’ s-saħħa mentali tal-poplu. Aqraw ukoll paġni 12 u 13 ta’ din il-gazzetta, biex tifhmu kemm żdiedet l-ansjetà u kemm issa, li s-sitwazzjoni twalet (mhux għax għandna tort) qed jiżdiedu wkoll is-sintomi ta’ dipressjoni. Il-Covid-19 serju u serju ħafna! Staqsu lil min tilef lil xi ħadd għażiż għalih u lil min, minkejja li fieq, għadu qed ikaxkar bil-mard u l-kundizzjonijiet. Imma s-saħħa mentali hija importanti wkoll u rridu nieqfu niddejqu nitkellmu fuqha.

Għandna t-tama! Se mmutu bil-piena?

Ejja nżommu saqajna mal-art! Is-sajf li għadda gawdejnih ukoll! Il-każi naqsu qabel ma reġgħu bdew telgħin ftit ftit. Imma ngħiduha kif inhi! Is-sitwazzjoni issa hija differenti wkoll. Fis-sajf tas-sena li għaddiet kulħadd kien jaħseb li l-Covid-19 sar xi ħaġa tal-passat. L-ewwel u qabel kollox għax, minkejja li għal bidu ħadniha ħafna bis-serjetà (jiġuni f’moħħi dawk il-filmati tal-waħx tat-toroq vojta), ftit li xejn kellna għarfien dwarha. Allura malli l-każi naqsu u kien hemm ġranet sħaħ fejn ma nstab l-ebda każ ġdid, kulħadd ħaseb li spiċċa kollox. It-tieni nett, dawk kienu l-messaġġi li waslu! Kulħadd jiftakar lil Chris Fearne jgħid li rbaħna l-gwerra u l-famuża ‘il-mewġ fil-baħar qiegħed’ ta’ Robert Abela! Ċert li t-tnejn li huma lanqas joħolmu li llum il-ġurnata jgħidu xi ħaġa simili.

Imma għaliex is-sitwazzjoni hija differenti? Is-sena li għaddiet obdejna l-miżuri għax bżajna. Bżajna mhux biss għalina nfusna imma bżajna wkoll li jiġri xi ħaġa lill-qraba tagħna. Interessanti kif anke s-sondaġġi tal-Fondazzjoni Richmond urew b’mod konsistenti li l-Maltin aktar inkwetaw għall-qraba tagħhom milli għalihom infushom. Din id-darba kienet differenti! Kulħadd irid li din tgħaddi darba għal dejjem għax issa twalet iżżejjed. Kulħadd qed jittama li s-sagrifiċċji li għamilna u li qed nagħmlu huma verament l-aħħar sforz u għalhekk minkejja l-każi rekord li kellna, aktar milli għax imbeżża’, obdejna b’konvinzjoni, għax issa fhimna li l-ftit sagrifiċċju ta’ kulħadd, jagħmel differenza kbira. Mhux ċajta. Fi ftit ġimgħat, minn kważi 300 każ kuljum (ġieli anke aktar), niżżilna n-numri għal dawk li konnha drajna bihom f’Awwissu tas-sena li għaddiet.

Anke jekk issa r-restrizzjonijiet qed jonqsu u jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, se jibqgħu jonqsu, it-tagħlima ħadniha (nittama) u nafu li żball wieħed jista’ jitfana lura x-xhur! X’differenza! Minn Gvern li kien qed jgħidilna biex nobdu ħa ngawdu s-sajf, għal Gvern li hu stess qed iqis kull pass li jagħmel. 

Il-koperazzjoni hija strumentali...

Għalhekk, kieku kellna nagħsru s-sentiment tal-pajjiż, bħalissa huwa: tama b’kawtela. It-tnejn li huma bżonnjużi. Tama għax il-bniedem ma jistax jgħix biss f’inċertezza. Kawtela għax is-sitwazzjoni għadha fluwida ħafna. Żball wieħed u nitilfu kollox.

Hawn irrid insemmi żewġ kategoriji ta’ nies. Mhux għax ma hemmx aktar, imma ma’ dawn jien familjari jew għax involut magħhom jew għax nitkellem ħafna magħhom. Niddejjaq nidħol personali fl-artikli, imma din is-sitwazzjoni laqtet lil kulħadd u dawn huwa realtajiet li qed immissu b’idejna magħhom kuljum.

L-ewwel grupp huma d-dilettanti tal-festi. Xi ħadd minnhom ilmenta għax mhux se jsiru l-festi kif nafuhom? Tgħidli l-festi se ssemmi? Mill-festi ma jiklux nies! Attent xi tgħid. Taf kemm hemm nies involuti fil-festi? Staqsi lill-kuntrattur tad-dawl kemm mar ħażin. Staqsi lil min jarma s-sound għal man-nar. Il-bandisti mhux artisti wkoll? U dawk li jħitu u jisfumaw il-pavaljuni jew dawk li jaħdmu l-istatwi? U tal-qubbajt, tal-ikel u tal-bar tal-każin? U dawk li jdoqqu l-qniepen? Dan biex ma nsemmix li hemm nies li għalihom il-festi huma ħajjithom. Bħalma hawn min jekk ma jmurx sal-gym jew sal-każin ma jħossux tajjeb, hemm min ukoll jekk ma jmurx sal-maħżen jiġġennen! 

Minkejja kollox, anke jekk b’għafsa ta’ qalb għax din se tkun it-tieni sena bla festa, kif kellna t-tieni sena bla Ġimgħa Kbira u Għid, huma rassenjati. Il-festi jerġgħu jsiru u lesti jagħmlu dan is-sagrifiċċju.

Hemm ukoll is-sidien tal-clubs li għadhom fil-limbu u artisti oħra li anke jekk se jiċċaqilqu ftit, fadlilhom biex jerġgħu jaraw quddiemhom l-eluf. Lanqas dawn mhu qed jaraw kbir. Anke huma fehmu li, forsi aktar minn ħaddieħor, hemm bżonn jagħmlu l-parti tagħhom. Fl-aħħar ġimgħat din il-gazzetta tkellmet mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Arti u d-Divertiment u anke s-sidien tal-clubs. Ħadd minnhom mhu qed jippretenti li niġu naqgħu u nqumu, niftħu l-bibien beraħ u mbagħad jiġri x’jiġri. Ħadd ma jrid jirrepeti l-iżball tas-sena l-oħra. Dan ukoll juri sens ta’ responsabbilità u tama b’kawtela.

Miż-żgħażagħ għall-anzjani...

F’din il-pandemija kulħadd bata. Bata s-sid tar-ristorant li għalaq. Batew dawk il-ġenituri li mid-dar riedu jlaħħqu max-xogħol tagħhom u l-lezzjonijiet onlajn ta’ uliedhom. Batew l-isportivi li ma setgħux ikompli jitħarrġu. Bata min is-safar huwa ħajtu. Kollha ninsabu fl-istess dgħajsa.

Madanakollu hemm żewġ kategoriji ta’ nies li batew l-aktar. L-anzjani, partikolarment dawk fid-djar tal-anzjani. Il-kamra tagħhom kienet saret kważi ċella u għamlu żmien ikellmu lill-qraba tagħhom qishom minn ġo akkwarju. Dawn ma ħaqqhomx ftit tama? Staqsu x’ħassew il-qraba ta’ dawn l-anzjani meta reġgħu bdew jiltaqgħu magħhom mingħajr il-perspex tifridhom. Biżżejjed tidħol f’dar tal-anzjani u tarahom kollha miġbura jaraw it-televiżjoni u jitkellmu.

Mil-banda l-oħra hemm iż-żgħażagħ, li xi drabi ninsewhom jew nakkużawhom biss għax ikun hemm erba’ minnhom li jiġu jaqgħu u jqumu u jorganizzaw festin f’għalqa. Iż-żgħażagħ batew ukoll. Filli għandhom elf post fejn imorru jiddevertu u filli sabu ruħhom bilqiegħda fuq sufan, bir-remote f’idhom minn filgħodu sa filgħaxija. Dawn mhux ukoll ħaqqhom ftit tat-tama. Sakemm joħorġu u jieħdu gost b’kawtela, x’se jkunu qed jagħmlu ħażin?

Il-vaċċin, il-miraklu u ċ-ċertifikat

Il-Gvern żbalja ħafna fil-pandemija u għamel ħafna tajjeb ukoll. Tista’ taqbel u tista’ le. Żgur li fuq il-vaċċin ħadd ma jista’ jgerger. Hawn ninżgħu l-kappell lill-awtoritajiet kollha tas-saħħa u lill-frontliners li għamlu l-mirakli.

Il-vaċċin u dan is-suċċess bla dubju ta’ xejn li huwa wieħed mill-fatturi ewlenin għaliex il-moral tal-pajjiż reġa’ beda jieħu r-ruħ. L-awtoritajiet ħadmu fuq li ħadmu u l-poplu kkopera wkoll. 

Imma issa la ħadna l-vaċċin wieħed jistenna li nibdew naraw ukoll ir-riżultati mhux biss mill-aspett tan-numri. Din il-ġimgħa, il-Ministru Chris Fearne tkellem dwar l-użu ta’ ċertifikat tal-vaċċin biex ikun jista’ jintuża f’Malta f’każ ta’ attivitajiet tal-massa jew attivitajiet li jirrikjedu lin-nies jiġu flimkien. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ħafna dwar dan. Dan ukoll jista’ jagħti tama li xi forma ta’ normalità mhijiex fil-bogħod. Se jkun hawn min jargumenta li mhux sew għal min iddeċieda li ma jridx jieħu l-vaċċin. Imma allura, minħabba nies li taw aktar każ ta’ dak li jgħid ċikku u peppa fuq Facebook, milli l-fatti li tippreżenta x-xjenza, se jibqa’ lura kulħadd?

Il-moral, l-elezzjoni u l-PN...

Żgur li kulħadd għaddietlu minn moħħu. Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, il-każi jibqgħu baxxi u minn hemm u minn hawn ikollna sajf tajjeb, nistennew Elezzjoni Ġenerali. 

Ma għandi l-ebda dubju li din anke minn moħħ il-Prim Ministru għaddiet. Mhux ovvja! Jekk wara xhur ta’ qtigħ ta’ qalb, il-ħajja se tibda tirritorna lura għan-normal u jiżdied dak li nsejħulu ‘il-feel-good-factor,’ Ottubru u Novembru se jkunu x-xhur ideali meta ssir Elezzjoni Ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll kellu bżonn jifhem din għax donnu mhux jinduna. Ħadem, ħareġ bi proposti tajbin u qed jirnexxielu jippreżenta lilu nnifsu aħjar, imma teatrin bħal dak tal-Ħamis li għadda reġa’ tefgħu lura x-xhur! Jew se jqum mir-raqda jew il-Partit Laburista se jerġa’ jtellaq waħdu.

More in Politika