Missier Keith Schembri jgħid li kien jintalab jiffirma dokumenti li ma jkunx jaf x'inhuma

Alfio Schembri, flimkien ma' Keith Schembri u persuni oħra qed ikunu akkużati b'ħasil ta' flus, korruzzjoni u frodi, fost oħrajn

Alfio Schembri (Ritratt: MediaToday/James Bianchi)
Alfio Schembri (Ritratt: MediaToday/James Bianchi)

Missier Keith Schembri, Alfio Schembri qal lill-Pulizija li hu kien ikun mitlub jiffirma dokumenti imma ma jkunx jaf x’inhuma.

Dan intqal dalgħodu hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Keith Schembri, missieru Alfio, Malcomn Scerri u l-kontrollatur finanzjarju Robert Zammit. Huma qed ikunu akkużati b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi fost oħrajn.

Illum xehdet l-Ispettur Leanne Bonello li spjegat kif matul l-interrogazzjoni, Alfio Schembri kien ikkonferma li kien jirċievi paga kull xahar mingħand Kasco Group għal dawn l-aħħar għaxar snin. Kien hu li beda l-kumpanija u mbagħad ħallieha f’idejn ibnu Keith.

Skont Alfio Schembri, hu ma kellu l-ebda poter fuq il-kumpanija u kif din titmexxa.

“Meta kien muri numru ta’ dokumenti, Alfio Schembri ma kienx jaf dwar xiex kienu. Id-dokumenti kienu jinkludu tranżazzjonijiet, statements tal-bank u anke pagi,” spjegat l-Ispettur.

Minn analiżi li saret fuq il-kontijiet bankarji ta’ Alfio Schembri, jirriżulta li kienu saru numru ta’ tranżazzjonijiet minn Kasco u kumpaniji oħra relatati. Instabu wkoll pagamenti mill-kont tiegħu għall-kont ta’ Keith Schembri.

L-Ispettur qalet ukoll kif il-kontrollatur finanzjarju, Robert Zammit, kien qal lill-Pulizija li hu kien sempliċiment jobdi l-istruzzjonijiet u li qatt ma kien involut fil-proġett tat-tagħmir tal-istampar għall-Progress Press.

Qal ukoll lill-Pulizija li wara li Keith Schembri kien sar Chief of Staff ta’ Kastilja, il-paga tiegħu kienet tgħaddi għand Alfio (missieru) u kien hu li mbagħad jagħtiha lil Keith.

Dawn il-proċeduri kriminali bdew wara li inkjesta maġisterjali stħarrġet il-bejgħ ta’ tagħmir għall-istampar mingħand Kasco lil Progress Press meta din imxiet għall-Imrieħel.

Keith Schembri qed ikun akkużat li xaħħam żewġ diretturi tal-Allied Group, Adrian Hillman u Vince Buhagiar, biex ikun iffirmat il-kuntratt għax-xiri ta’ dan it-tagħmir.

Diversi persuni oħra wkoll qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus, fosthom Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, l-accountants ta’ Schembri.

Hillman għadu r-Renju Unit u bħalissa għaddej proċess bil-għan li jkun estradit lejn Malta.

Keith Schembri ma kienx preżenti fil-Qorti hekk kif jinsab rikoverat f'Mater Dei minħabba 'kundizzjoni serja.'

More in Politika