Joseph Muscat jiftaħ libell lil Christian Grima wara li dan allega li 'sploda' lil Daphne

Muscat qal li hu joqgħod għat-tgħajjir u l-kritika iżda insista li Dr Christian Grima qabeż linja u li ma jistax ma jiħux passi

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kiteb fuq Facebook jisħaq li se jkun qed jiftaħ libell lil Dr Christian Grima li fuq Facebook qal li Muscat 'sploda' lil Daphne Caruana Galizia.

"Bħala regola ma tantx nemmen fil-libelli. Nemmen fil-libertà tal-espressjoni anki meta xi waqtiet tkun offensiva, inġusta jew anki totalment skorretta. Fil-fatt, ftit li xejn għamilt libelli kemm domt fil-politika. Xi ħamsa fuq aktar minn ħmistax-il sena," kiteb Muscat.

Madanakollu saħaq li hemm linja li meta tinqabeż, wieħed ma jistax ma jagħmel xejn.

Bħala regola ma tantx nemmen fil-libelli. Nemmen fil-liberta' tal-espressjoni anki meta xi waqtiet tkun offensiva,...

Posted by Joseph Muscat on Monday, 10 May 2021

"Ċertu Dr Christian Grima allega fuq Facebook li jien, biex nuża kliemu, splodejt lis-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Kif inhu ċar mill-fatti kollha, dan huwa totalment falz," insista Muscat.

Christian Grima huwa Avukat u jikkummenta ħafna fuq Facebook dwar kwistjonijiet politiċi.

Temm jgħid li hu joqgħod għall-kritika, għat-tgħajjir, "it-tiġdid tal-fatti u l-ispekulazzjonijiet."

Madanakollu temm jisħaq li mhux se joqgħod għal gideb hekk.

More in Politika