Mozzjoni dwar Delia u Azzopardi irtirata fl-aħħar minuta 'għax ma nifilħux nitilfu aktar nies!'

Mozzjoni tal-Kap tal-PN li ma kinitx se tħalli lil Adrian Delia u Jason Azzopardi jikkontestaw l-elezzjoni kienet irtirata fl-aħħar ħin, biex il-PN jevita aktar telf ta' voti u ġlied intern

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata minn sorsi fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista illi l-Kap tal-PN Bernard Grech kien determinat illi jippreżenta mozzjoni li ma tħallix lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia jikkontesta l-elezzjoni li jmiss. Dan wara li Adrian Delia fetaħ attakk fuq id-Deputat Jason Azzopardi - b'implikazzjonijiet ta' qrubija ma' Yorgen Fenech u anke li Azzopardi ma ħallasx taxxa dovuta.  Imma mhux biss, hekk kif  - bħala bilanċ - Grech ried li tkun approvata mozzjoni oħra li ma tħallix lil Jason Azzopardi jikkontesta l-elezzjoni, lanqas.  Azzopardi rebaħ libell kontra Ċensu l-Iswed, li qal illi kien misqi u ingannat b'informazzjoni mogħtija biex tħammġu. 

"Għalhekk ħadu d-deċiżjoni li jiffirmaw dik l-istqarrija flimkien! Inti taħseb li kieku Jason Azzopardi se jiffirma stqarrija ma’ Delia u viċi-versa? Kienu jafu li se jasal Grech,” insista s-sors. 

Il-gazzetta staqsiet allura għaliex ma ressaqx il-mozzjoni xorta jew għallinqas għamel din l-intenzjoni pubblika.

Ir-risposta tal-membru tal-Grupp Parlamentari kienet skjetta: "Il-verità hi li l-partit ma jiflaħx jitlef jew ikeċċi aktar nies. Konna nerġgħu nitilfu lin-nies ta’ Delia li ġejjin lura u konna nispiċċaw nerġgħu nitilfu lin-nies ta’ madwar Jason.”

Illum, is-sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday juri illi l-Kap tal-PN tilef 10% f'fiduċja bid-differenza bejn iż-żewġ mexxejja tispara għal 24% favur Robert Abela. Id-differenza bejn il-partiti fil-bidu ta' Mejju kienet ta' 14.8% - li tirriżulta f'differenza ta' madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista.  

Mill-ġdid, fost il-votanti żgħażagħ (16-35) Grech baqa' lura ħafna, b'48.9% jgħidu li jafdaw lil Robert Abela u 13.5% biss jgħidu li jafdaw lil Grech. 

Kuntrarjament għall-perċezzjoni ta' bosta dan is-sors sostna mal-ILLUM li Jason Azzopardi ma waqax għaċ-ċajt għax wara kollox "hu qatt ma qal li hemm mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech.  Imma messaġġi hemm u ġew ippubblikati!  Mijiet ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u Pierre Portelli hemm ukoll u dan kien l-id il-leminija ta’ Delia.” 

Sors differenti fi ħdan il-PN ma tantx kien kumplimentuż u sostna illi id-dikjarazzjoni ta' Azzopardi mhi xejn "jekk mhux turija ċara li Delia tneħħa b'kappriċċ u bil-gideb! Ifisser li Grech tpoġġa hemmhekk b'gideb"

Dan huwa sentiment komuni fil-fatt fost l-aktar attivisti ferventi ta' Delia li notevolment u pubblikament fuq il-midja soċjali għadhom isejħulu 'Kap'. 

Imma Bernard Grech qed jiffaċċja kritika qawwija wkoll mill-blogger Manuel Delia u s-segwaċi tiegħu, prinċipalment ukoll segwaċi ta' Daphne Caruana Galizia u Repubblika. Apparti li hu stess qal li Delia rebaħ u allura - skont hu -  il-PN waqaf jiġġieled il-korruzzjoni u li Grech "lanqas imqar għamilha ta' referee" il-Ġimgħa filgħaxija tella' post li fih hemm attakk qawwi fuq Grech. 

Saħansitra l-persuna li Manuel Delia jgħid illi jafu, jisħaq illi Grech "waqgħatlu l-maskra", "ikkanonizza lill-akbar alleat tal-PL" u li hu stess b'azzjonietu allinea lilu nnifsu mal-Partit Laburista billi "ddemonizza lill-aktar Deputat li l-PL idejjaqhom." 

Kien Grech stess li sejjaħ għal laqgħa tal-Eżekuttiv urġenti wara li l-eks Kap tal-PN fetaħ attakk u kritika qawwija fuq Jason Azzopardi. 
Minkejja indikazzjonijiet matul il-ġurnata ta' azzjoni kontra Delia u anke Azzopardi - permezzz ta' dawn il-mozzjonijjet imsemmija - 20 minuta qabel bdiet, il-laqgħa tal-eżekuttiv tħassret. 

Ftit wara ħarġet stqarrija illi fiha, fost oħrajn, Jason Azzopardi jgħid li ma jidhirlux li Delia għamel xi ħaġa biex l-MEP David Casa ma jkunx elett, li ma jirriżultalux li hemm mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech u li Delia mhu qiegħed fil-but ta' ebda negozjant. 

 

More in Politika