€5,000 għal kull fabbrika tan-nar għal titjib infrastrutturali u għal aktar sikurezza

Il-fond huwa miftuħ għal kmamar tan-nar b’liċenzja rreġistrata bħala organizzazzjonijiet volontarji jew inkella li huma parti minn każini reġistrati bħala NGOs

Il-Gvern reġa' ħabbar il-Fond annwali għall-Kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja, li għandu l-għan li jtejjeb kontinwament il-karatteristiċi ta’ sigurtà fil-kmamar tan-nar filwaqt li jikkontribwixxi għat-titjib globali tal-industrija piroteknika.

F'dan il-Fond ġie allokat total ta’ €170,000 għas-sena 2021 u se jkun amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Kull fabbrika tan-nar tista’ tibbenefika minn għotja ta’ €5,000, li tista’ tintuża kollha għal użu infrastrutturali.

Waqt it-tnedija tal-fond, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ddeskriva l-importanza ta’ tali fondi li joffru għajnuna speċifika u ddedikata lil oqsma partikolari fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi.

“Il-logħob tan-nar mhuwiex biss parti mill-wirt kulturali lokali tagħna. Dan jiġbor flimkien komunità ta’ voluntiera li ta’ kuljum jaħdmu biex jipproduċu spettakli pirotekniċi tal-ogħla standard, u għandna dejjem infittxu li nappoġġjaw l-isforzi tagħhom billi ninvestu fl-infrastruttura meħtieġa biex jitjiebu elementi importanti bħas-sikurezza”, qal il-Ministru Herrera.

L-għan tal-fond, li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu, huwa li jtejjeb is-sikurezza fil-kmamar tan-nar kemm matul il-proċess ta’ manifattura kif ukoll matul l-isparar tal-logħob tan-nar. L-għotja hija maħsuba għal volontarji biex jinvestu fit-taħriġ, l-iżvilupp u r-riżorsi biex titjieb is-sikurezza tas-sistemi pirotekniċi Maltin u t-titjib tal-prodott finali, speċjalment minħabba r-rwol prominenti ta’ din l-industrija fil-kultura Maltija.

“It-tnedija ta’ tali fondi hija xhieda tat-twemmin li l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali verament jifhmu l-importanza tal-espressjoni tal-poplu u l-kreattività tal-wirjiet tal-logħob tan-nar”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall.


Sabiex jikkwalifikaw għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar huma meħtieġa li joħorġu b’ideat u proposti biex jaġġornaw u jtejbu l-infrastruttura tal-kmamar tan-nar billi jinvestu f’makkinarji u għodod li jiffaċilitaw il-manifattura tal-logħob tan-nar u jagħmlu l-proċess aktar sikur; jinvestu f’tagħmir li jtejjeb is-sikurezza matul l-isparar tal-logħob tan-nar; iwettqu taħriġ u żvilupp tar-riżorsi relatati mas-sikurezza tal-logħob tan-nar kif ukoll irawmu sinerġija aħjar bejn il-kmamar tan-nar Maltin.

Il-fond huwa miftuħ għal kmamar tan-nar b’liċenzja rreġistrata bħala organizzazzjonijiet volontarji. Fil-każ ta’ kmamar tan-nar li huma parti minn każini tal-banda, il-każin tal-banda jeħtieġ li jkun irreġistrat bħala organizzazzjoni volontarja.

L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jiġu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati.

Il-linji gwida dwar kif wieħed għandu japplika għall-fond li joffri appoġġ finanzjarju lill-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja huma disponibbli fuq www.artscouncil.mt. L-applikazzjonijiet kollha qed jintlaqgħu biss online sat-18 ta’ Ġunju 2021. Għal appoġġ u għajnuna, wieħed jista’ jċempel fuq 23347230 jew jibgħat email lil [email protected].

Il-Ministru Herrera u Albert Marshall
Il-Ministru Herrera u Albert Marshall

More in Politika