'L-iżviluppaturi qed jissottomettu applikazzjonijiet separati filwaqt li jistaħbew wara ismijiet ta' qraba'

Moviment Graffitti joġġezzjona għall-bini ta’ blokka ta’ 125 appartament 300 metru biss ‘il bogħod mit-tarf tal-irdum fis-Sannat, Għawdex

Il-Moviment Graffitti qed joġġezzjona għall-proposta għall-bini ta’ blokka ta’ 125 appartament 300 metru biss ‘il bogħod mit-tarf tal-irdum fis-Sannat, Għawdex.

Il-blokka, proposta mill-imprenditur Għawdxi Joseph Portelli, turi lis-sieħba ta’ Portelli, Mark Agius (Ta’ Dirjanu), Samuel Saliba u Joseph Vella bħala l-applikanti għal dawn il-blokok.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti saħaq kif saru tliet applikazzjonijiet separati (PA/02035/2, PA/02087/21 u PA/05048/20) biex jiġi evitat l-iskrutinju meħtieġ

"Fil-fatt, wieħed minn dawn il-permessi fi Triq ta' Bebunaq u fi Triq it-Tempju tal-Imramma nħareġ mill-PA. Din hija tattika li ġiet iprattikata qabel, li tippermetti lill-iżviluppaturi biex jakkwistaw permessi mingħajr wisq problemi billi jevitaw il-proċedura li tirrikjedi li jsir assessjar tal-impatt ambjentali (EIA)," saħaq il-Moviment.

Propju għalhekk li l-attivisti saħqu li din l-istrateġija għandha tinqata'. 

“L-iżviluppaturi qed jissottomettu applikazzjonijiet separati filwaqt li jistaħbew wara ismijiet ta’ membri tal-familja jew persuni oħra qrib tagħhom. Dan juri kif is-sistema nfisha hija żbaljata u qiegħda timmina kwalunkwe potenzjal għal pjanar sura ta’ nies, li qed jirriżulta f’inġustizzja spjetata fil-qasam tal-ippjanar," komplew l-attivisti.

Fost oħrajn, l-iżvilupp qed iħares lejn kostruzzjoni ta’ pixxini u l-pjattaformi ta’ madwarhom fuq art ODZ.

"Din l-invażjoni ġdida fuq art ODZ se ssir mhux biss a skapitu tal-irdumijiet ta’ ġmiel naturali li hemm fil-qrib, imma wkoll se sservi ta’ preċedent għat-teħid ta’ iktar spazji miftuħa," kompliet l-istqarrija.

L-attivisti qalu wkoll li t-tliet applikazzjonijiet ma jirrispettawx ukoll ir-restrizzjonijiet tal-għoli tal-bini u "se joħonqu" lis-Sannat, "se jeqirdu" villaġġ kwiet, "se jżidu" t-traffiku u l-konġestjoni, u se jaffettwaw it-tgawdija tax-xemx ta’ nies oħrajn minn ġo djarhom.

“Barra minn hekk, is-sit propost għall-iżvilupp jinsab qrib żona tal-għasafar importanti, rikonoxxuta internazzjonalment, li fiha tgħammar popolazzjoni mdaqqsa ta’ ċief. It-tniġġis mid-dwal minn żvilupp ta’ dan id-daqs, huwa theddida diretta għal dawn l-għasafar tal-baħar, theddida li Malta hija fid-dmir li tevita," kompliet tispjega l-istqarrija.

Spjegat ukoll kif is-sitt qiegħed fuq art agrikola tajba u għalhekk, fi kliemha, dan se jwassal għal aktar tnaqqis f’żoni agrikoli.

Is-sit jinsab ukoll viċin sit tan-Natura 2000, ix-Xlendi – iż-żona tal-Wied tal-Kantra, li hija meqjusa bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ importanza internazzjonali. Is-sit huw wkoll qrib l-Irdumijiet ta’ Sanap, li jiffurmaw parti minn Żona Speċjali Protetta.

“Aħna qegħdin nopponu dan l-iżvilupp kollu kemm hu, and nsejħu għal darb’oħra lill-awtoritajiet biex iwaqqfu darba għal dejjem dawn il-manuvri qarrieqa mill-iżviluppaturi”, qal il-Moviment Graffitti.

More in Politika