Il-PN jipproponi lill-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler bħala Ombudsman

Il-PN jipproponi lil Hyzler bħala Ombudsman - minflok żewġ eks imħallfin u sergretarju permanenti li qed jipproponi l-Gvern

Is-sit illum.com.mt jista' jiżvela li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi lil George Hyzler bħala Ombudsman ġdid, minflok il-kariga li għandu bħalissa - jiġifieri Kummissarju tal-Istandards.  Dan hekk kif l-Ombudsman kurrenti Anthony Mifsud indika li ma jixtieqx imur għal terminu ieħor u allura - wara li rriżenja iktar kmieni din is-sena - qed jistenna li tinħatar il-persuna li se teħodlu postu biex jitlaq mill-kariga pubblika u kostituzzjonali b'mod definit. 

L-istess sorsi qalu illi l-Gvern minn naħa l-oħra qed jinsisti fuq żewġ ismijiet - it-tnejn eks imħallfin jew inkella segretarju permanenti preżenti, li kien jokkupa l-kariga wkoll taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.

Wara riforma iktar kmieni din is-sena l-Ombudsman jeħtieġ ikun maħtur biż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari.  Dan ifisser li ż-żewġ naħat jinsabu f'sitwazzjoni staġnata bil-Gvern li mhuwiex qed jaqbel mal-proposta dwar Hyzler u l-PN ma jaqbilx mal-ismijiet li qed iressaq il-Gvern. 

More in Politika